Futbol internazzjonali
Carles Tusquets jgħid li l-elezzjoni għall-President ta’ Barcelona għandha ssir ‘malajr kemm jista’ jkun’

L-aġent President ta’ Barcelona Carles Tusquets qal li l-elezzjonijiet għall-President ġdid tal-klabb għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun. Skont Tusquets, l-elezzjoni għandha ssir mal-ewwel ċans li jiġi sabiex kemm jista’ jkun nies jipparteċipaw bil-vot tagħhom. Tusquets ikkonferma li l-ebda membru tal-bord li kien fil-kariga sa tlett ijiem ilu mhu ser ikun fil-bord il-ġdid li mistenni jitlaħħaq mal-elezzjoni tal-President il-ġdid u saħaq li t-trasparenza ser tkun fuq nett tal-aġenda tat-tmexxija ta’ Barcelona.

Minbarra Tusquets, bħalissa hemm seba’ membri oħra f’bord li tlaħħaq apposta sabiex jorganizza l-elezzjoni għall-President il-ġdid tal-klabb. U għalkemm Tusquets qal li l-elezzjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun, il-bord għandu ċ-ċans li jiffissa data fit-tliet xhur li ġejjin. S’issa diġà hemm seba’ persuni li wrew l-interess tagħhom li jidħlu fil-ġirja għall-Presidenza tal-klabb, fosthom Joan Laporta li kien imexxi lil Barcelona bejn l-2003 u l-2010. Barra Laporta hemm ukoll Victor Font li diġà kkonferma li jekk kemm-il darba jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali, l-ewwel ħaġa li jagħmel tkun li jappunta lil Xavi Hernandez bħala kowċ tat-tim.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA