Ibburdjar
Catena Media testendi l-appoġġ tagħha lejn l-RMYC Sailing School

Il-kumpanija tal-online lead generation Catena Media u r-Royal Malta Yacht Club Sailing School ġeddew is-sħubija eżistenti tagħhom għal perjodu ta’ sentejn.

Is-sħubija ta’ Catena Media mar-Royal Malta Yacht Club tmur lura għall-2019 meta sar l-ewwel investiment lejn it-tagħmir tal-iskola tal-ibburdjar tal-Klabb.

Hekk kif il-popolazzjoni tal-istudenti tal-iskola tal-RMYC qed tkompli tiżdied, magħha ukoll qed tiżdied il-ħtieġa li jiġi sostitwit tagħmir li ilu jiġi użat. L-appoġġ finanzjarju ta’ Catena Media beda fix-xiri ta’ qlugħ ġodda għall-flotta tad-dgħajjes RS Feva kif ukoll l-investiment ta’dgħajsa li se tintuża mill-kowċis biex jkunu jistgħu jibqgħu viċin tal-baħrin żgħażagħ waqt li kienu qed jitħarrġu.

L-iskola tal-ibburdjar tal-RMYC f’dawn l-aħħar snin kompliet tiffjorixxi, minkejja l-isfidi li faċċaw bil-pandemija. Il-popolazzjoni tal-istudenti tagħha żdiedet sostanzjalment. Barra minn dan, il-faċilitajiet tal-iskola u t-tim tal-kowċing qed jkomplu jattirraw konsistentement baħrin kompetittivi fuq livell internazzjonali u rebbieħa ta’ medalji Olimpiċi għal taħriġ matul is-sena kollha.

Il-Viċi President għat-Trasformazzjoni Globali ta’ Catena Media,  Hamish Brown iddeskriva l-programm tal-Corporate Social Responsibility ta’ Catena Media bħala programm b’impenn kontinwu u attiv lejn il-komunità li joperaw fiha.

Il-ftehim tal-appoġġ ġie ffirmat mill-Commodore tal-RMYC David Cremona u l-Viċi President għat-Trasformazzjoni Globali ta’ Catena Media Hamish Brown. Preżenti għall-iffirmar kien hemm Fiona Ewins Browns, Uffiċjal Kap tar-Riżorsi Umani ta’ Catena Media, Membru tal-Kumitat RMYC (Skola tal-Ibburdjar) Luca Lacitingola u l-fundatur ta’ SailCoach, operaturi tal-iskola, Trevor Millar.

Miktub minn...
TVM Sport