X

Championship Play-Offs: Derby County jaħsdu lil-Leeds UTD f’Elland Road u issa jilagħbu fil-finali kontra Aston Villa

Story Published

Leeds UTD 2 Derby County 4 (agg. 3-4)

Derby County għamluha għall-finali taċ-Championship Play-Offs meta marru Elland Road u ħasdu għalkollox lit-tim tal-Leeds United meta rebħulhom bl-iskor ta’ 4-2 u b’hekk għaddew b’aggregate ta’ 4-3. Fl-ewwel leg kienu l-Leeds li ħarġu rebbieħa 1-0, imma lbieraħ filgħaxija l-istorja kienet totalment differenti.

Leeds bdew tajjeb ħafna tant li fl-24 minuta fetħu l-iskor permezz ta’ Dallas biex sa dak il-ħin l-aggregate kien ta’ 2-0. Imma għalkemm barra minn darhom, Derby ma qatgħux qalbhom u eżatt qabel il-mistrieħ ġabu l-iskor indaqs meta Marriott sab ix-xibka wara li kien ilu biss minuta fil-grawnd għaliex daħal bħala sostitut. Riżultat ta’ 1-1 sal-mistrieħ, b’Leeds United 2-1 minn fuq bl-aggregate.

Eżatt mal-ftuħ tat-tieni taqsima Derby County ħasdu lill-avversarji għax wara ftit sekondi Mount tefa’ fix-xibka u għamel l-iskor 2-1 għad-Derby, b’aggregate ta’ 2-2. U biex il-logħba tmur mill-ħażin għall-agħar għal-Leeds, huma spiċċaw 3-1 minn taħt fit-58 minuta meta Wilson skorja mill-11-il metru u b’hekk l-aggregate sar 3-2 favur Derby. Dallas reġa’ sab ix-xibka għal-Leeds fit-62 minuta biex għamel l-iskor 3-2, aggregate ta’ 3-3, imma t-tim t’Elland Road spiċċaw jilagħbu b’10 meta Berardi tkeċċa fit-78 minuta bit-tieni karta safra. Derby County approfittaw mis-superjorità numerika tant li fil-85 minuta żiedu ieħor meta kien Marriott li reġa’ sab ix-xibka u għamel l-iskor 4-2, għal aggregate ta’ 4-3. Anke Derby spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers meta fl-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari Malone dabbar it-tieni safra u mar fid-dressing room ftit minuti qabel sħabu.

Issa Derby County jiltaqgħu kontra Aston Villa fil-finali taċ-Championship Play-Offs bir-rebbieħ ikun promoss għall-Premier League fl-istaġun li ġej.