Local Sports
Charlene Attard se tinħatar Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti

TVMSport jista’ jikkonferma li Charlene Attard se tkun qed tinħatar Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-ħatra uffiċjali ta’ Attard se ssir fid-9 ta’ Novembru fl-Assemblea Ġenerali tal-KOM wara li l-unika nominazzjoni għall-kariga kienet tagħha meta għalaq iż-żmien it-Tnejn li għadda.

Attard, ex-atleta nazzjonali rebbieħa ta’ diversi midalji fl-edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, se tkun qed tibdel lil Ivan Balzan li okkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar erba’ snin.

Ikkuntattjat minn TVMSport, Balzan qal li jħoss li erba’ snin fil-kariga huma biżżejjed u huwa konvint li Charlene Attard se tagħmel biċċa xogħol tajba ħafna minfloku. Qal ukoll li jemmen li l-kariga ta’ Direttur tal-Isport għandha tkun full-time għax tirrikjedi dedikazzjoni u ħinijiet twal.

Attard ukoll tat l-ewwel reazzjoni tagħha ma’ TVMSport:

“Kuntenta ħafna. Se naħdem għall-ġid ta’ kull atleta u assoċjazzjoni sportiva f’Malta. Nirringrazzja lil dawk kollha li appoġġjawni u ħeġġewni nagħmel dan il-pass f’ħajti,” qalet l-ex atleta li rrappreżentat ukoll lil Malta fl-Olimpjadi ta’ Beijing 2008.

Charlene Attard hi diġà membru fl-Eżekuttiv tal-KOM u midħla sew tal-atleti u l-Assoċjazzjonijiet Sportivi Maltin. Fl-aħħar snin, ħadmet fil-qrib ħafna ma’ Ivan Balzan.

Miktub minn...
TVM Sport