Għawm
Chloe McCardel taqsam il-Kanal Ingliż għal rekord t’44 darba

L-għawwiema Awstraljana Chloe McCardel waqqfet rekord ġdid meta qasmet il-Kanal Ingliż għall-44 darba.

McCardel waslet f’Pointe de la Courte Dune fi Franza wara għawma t’10 sigħat li bdiet minn Kent, fix-Xlokk tal-Ingilterra.

L-għawwiema tal-maratoni li għandha 36 sena kienet diġà qabżet ir-rekord tal-irġiel is-sena li għaddiet, ta’ 34 qasma tal-Kanal Ingliż. Il-mira tagħha kienet li tilħaq u taqbeż ir-rekord t’Alison Streeter li b’kollox qasmet il-Kanal 43 darba. Din kienet is-seba’ darba matul din is-sena li McCardel qasmet il-Kanal Ingliż.

Fil-preżent, McCardel għandha f’idha wkoll ir-rekord tal-itwal għawma mingħajr assistenza f’oċean fuq distanza ta’ 124 kilometru. Din l-għawma kienet għamilha mill-gżira South Eleuthera sa Nassau fil-Bahamas. Barra minn hekk, fl-2015, McCardel qasmet il-Kanal Ingliż għal tliet darbiet infila mingħajr waqfien, tragward li ħadilha kważi 37 siegħa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA