Olimpijadi TOKYO 2020
Ċiklist Awstraljan jgħoddha b’waħda wara li nqalgħalu l-istering tar-rota

Iċ-ċiklist Awstraljan Alexander Porter ħelisha ħafif hekk kif inqalgħalu l-istering tar-rota waqt li kien qiegħed jaqdef b’veloċità ta’ 60 kilometru fis-siegħa.

Il-kwartett Awstraljan deher li kien ser jagħmel ħin veloċi ħafna, sakemm Porter spiċċa fl-art, b’xi brix u ħruq ma’ ġismu minħabba l-waqa’.

Għalkemm deher jirtogħod u dam ftit biex ġie f’tiegħu, Porter tħalla jerġa’ jtellaq ma’ sħabu, minħabba li ngħataw ċans ieħor skont ir-regolamenti tad-dixxiplina.

Wara l-waqa’ t’Alexander Porter, l-Awstraljani rnexxilhom jiksru r-rekord preċedenti tal-Olimpjadi, imma sfortunatament għalihom kienu l-ħames tim li għamel hekk, u għaldaqstant ma jistgħux jiġġieldu għall-midalja tad-deheb, imma jistgħu jiġġieldu biss għall-bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA