Clayton Pisani promoss, jista’ jirrefja fil-fażi tal-Gruppi tal-UCL u UEL

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Ir-Referee tal-FIFA, l-Malti Clayton Pisani ġie uffiċjalment promoss mit-tieni kategorija ta’ referees tal-UEFA għall-ewwel kategorija.

Din l-aħbar ħarġet fuq website Ġermaniża li tiffoka fuq ħidmet ir-referees u tikkwota sorsi qrib id-dipartiment tar-referees fi ħdan il-UEFA.

Issa b’din il-promozzjoni Pisani huwa ntitolat li jingħata appointments ta’ logħbiet mill-fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League u anke tal-UEFA Europa League  sa mill-bidu tal-istaġun 2015/16. Sa qabel din il-promozzjoni Pisani kien fit-tieni kategorija u seta’ jingħata biss logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA sat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni.

Fl-istruttura ta-referees tal-UEFA hemm 4 kategoriji : Elite, l-Ewwel grupp, it-Tieni grupp u t-Tielet grupp.

Fil-grupp tal-Elite hemm biss 22 referee li fosthom hemm ismijiet bħal Martin Atkinson (ENG), Felix Brych (GER), Cüneyt Çakır (TUR), Mark Clattenburg (ENG), William Collum (SCO), Viktor Kassai (HUN), Björn Kuipers (NED),  Pedro Proença (POR), Nicola Rizzoli (ITA), Gianluca Rocchi (ITA), Paolo Tagliavento (ITA), Craig Thomson (SCO), u  Carlos Velasco Carballo (ESP) fost l-oħrajn.

Fir-reviżjoni li għamlet il-UEFA kien hemm tliet referees li ġew relegati klassi u 24 li ġew promossi fosthom Pisani. Kien hemm 4 referees ġodda li daħlu fit-tielet klassi. L-MFA u d-Dipartiment tar-Referee għandhom din l-informazzjoni iżda se jkunu qed jagħmlu din l-aħbar uffiċjali fil-jiem li ġejjien.

Clayton Pisani ggradwa bħala għalliem mill-Universita’ ta’ Malta fl-2002 u sar referee tal-MFA fl-1994. Hu ingħata l-badge tal-FIFA fl-2009 meta kien ħa post Joe Attard. Iktar kmieni din is-sena hu kien promoss għat-tieni klassi tal-UEFA u għalhekk se jkun qed jirreġistra żewġ promozzjonijiet matul is-sena 2014.

Miktub minn...
TVM Sport
.