Local Sports
Clifton Grima jżur ix-xogħol li nbeda fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-tennis f’Pembroke b’investiment ta’ €1.3 miljun

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, żar ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke.

Grima spjega li l-proġett huwa parti minn viżjoni li se tipprepara lil pajjiżna biex ikun jista’ jospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023.

Is-Segretarju Parlamentari Grima spjega li dan l-investiment ta’ €1.3 miljun f’faċilità state-of-the-art, juri kemm il-gvern huwa ta’ spalla għan-nies fil-komunitajiet biex jagħmlilhom differenza f’ħajjithom.

Il-proġett taċ-ċentru tat-tennis se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tara l-bini ta’ sitt tennis courts li se jinkludu xogħlijiet ta’ tħaffir, tal-elettriku, asfaltar tal-art, fencing mal-madwar u parkeġġ għall-karozzi. Il-court prinċipali se jkollu wkoll stands għall-ispettaturi u anke changing rooms. It-tieni fażi se tara l-kostruzzjoni ta’ tennis house li se tinkludi uffiċini, boardroom, physio room, gym, lounge u store.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li dan huwa proġett ieħor li SportMalta qed tagħmel għall-isport lokali kollu. Semma li din il-faċilità se tkun għall-atleti kollha sabiex ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod aħjar u anke tattira avvenimenti internazzjonali u jitkabbar it-turiżmu sportiv.

Il-President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis David Farrugia Sacco rringrazzja lill-gvern u lil SportMalta għax-xogħol siewi li qed jagħmlu fil-qasam sportiv u saħaq li din il-ħolma qed issir realtà għall-atleti kollha tat-tennis.

Miktub minn...
TVM Sport