Futbol internazzjonali
“Conte se jibqa’ ma’ Inter. Jien mhux se nerġa’ mmur ma’ Juventus” – Beppe Marotta

Id-Direttur Ġenerali ta’ Inter, Giuseppe Marotta, tkellem għall-ewwel darba minn meta lbieraħ wara nofsinhar, Inter ikkonfermaw ir-rebħ tad-19-il scudetto fl-Istorja tagħhom.

Proprju lbieraħ filgħaxija, Marotta kien mistieden fuq diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju fejn kien mistoqsi għal aktar minn darba dwar il-futur tal-kowċ Antonio Conte u dwar il-futur tiegħu stess.

Marotta għamilha ċara li Conte kien, għadu u se jibqa’ kowċ ta’ Inter għas-snin li ġejjin.

Hu ċaħad li se jerġa jmur ma’ Juventus fejn magħhom kien rebaħ 7 scudetti, 4 Coppa Italia, 3 Super Cups Taljani u wasal darbtejn sal-finali tal-UEFA Champions League.

“Forsi qed jgħidu hekk għax it-tnejn ġejjin minn mal-Juventus. Iżda llum it-tnejn qegħdin naħdmu ma’ soċjetà oħra. L-ewwel interessi tagħna huma li nibqgħu nagħmlu tajjeb ma’ Inter,” qal Marotta.

Inter kienu ilhom ma jirbħu l-kampjonat Taljan għal 11-il sena u rnexxielhom jagħmlu dan wara t-tieni sena ta’ Marotta u Conte fil-kariga rispettiva tagħhom.

Hekk kif kien ikkonfermat ir-rebħ tat-titlu, skattat festa kbira fit-toroq ta’ Milan, speċjalment lejn in-naħat ta’ Piazza Duomo.

Aktar minn 30,000 persuna huma kkalkulati li ħarġu jiċċelebraw dan is-suċċess.

Iċ-ċelebrazzjonijiet kellhom kritika qawwija minn diversi setturi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-poplu Taljan.

Il-kordinatur tal-Kumitat Tekniku Xjentifiku tal-Italja, Franco Locatelli, kellu kliem iebes ħafna għall-partitarji Interisti li ħarġu fit-toroq u mlew il-pjazzez fi żmien diffiċli minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Hu qal li dawn il-persuna “m’għandhomx rispett lejn il-121,000 persuna li tilfu ħajjithom fl-Italja minħabba l-pandemija.”

Miktub minn...
TVM Sport