
Palmeiras 0 River Plate 2 (agg. 3-2)
Palmeiras huma l-ewwel tim li għaddew għall-finali tal-Copa Libertadores, meta avolja tilfu 2-0 fit-tieni leg kontra River Plate, għaddew b’aggregate ta’ 3-2.
Il-logħba kienet taħraq, bl-Arġentini jmorru fil-vantaġġ fid-29 minuta b’gowl ta’ Rojas. Fl-44 minuta River Plate skorjaw it-tieni permezz ta’ Borre biex daħlu jistrieħu 2-0 minn fuq, gowl biss ‘il bogħod milli jġibu l-iskor indaqs fuq l-aggregate.
Fit-52 minuta River Plate ħasbu li ġabu t-tielet gowl mistenni, meta Montiel sab ix-xibka imma l-VAR iddeċieda li l-plejer kien offside. F’temp ta’ disa’ minuti l-iskorer Rojas qala’ żewġ karti sofor u tkeċċa fit-73 minuta biex ħalla lil sħabu jilagħbu bi plejer inqas.
Lejn tmiem il-konfront kien hemm aktar deċiżjonijiet kontroversjali, fosthom penalty li kien ser jingħata favur River Plate mbagħad kien ikkanċellat b’deċiżjoni tal-VAR, u l-istess teknoloġija reġgħet kienet protagonista biex ma ngħatax penalty ieħor favur l-Arġentini.
Illejla, fil-23:15 (ħin ta’ Malta) ser jintlagħab it-tieni leg tat-tieni semifinali bejn Santos u Boca Juniors. Fl-ewwel leg ħadd ma rnexxielu jiskorja, għaldaqstant min jirbaħ illejla ser jgħaddi għall-finali.