
Fiorentina 1 Inter 2 (wara l-ħin barrani)
Kmieni waranofsinhar Inter għaddew għall-kwartifinali tal-Coppa Italia meta għelbu lil Fiorentina fil-ħin barrani. In-neroazzurri marru fil-vantaġġ fl-40 minuta mill-penalty ta’ Vidal, b’Kouame ġab id-draw għall-Vjola fis-57 minuta. Sad-90 minuta l-iskor kien għadu 1-1 fl-Artemio Franchi, bil-logħba tmur fil-ħin barrani. Meta kollox deher li l-konfront kien ser jiġi deċiż bil-penalties, Lukaku sab ix-xibka fil-119-il minuta biex Inter rebħu 2-1 fuq Fiorentina.
Napoli 3 Empoli 2
Napoli għaddew għar-round li jmiss meta tħabtu biex għelbu lil Empoli 3-2. Di Lorenzo fetaħ l-iskor għal Napoli fit-18-il minuta, b’Bajrami jġib id-draw għal Empoli fit-33 minuta. Ħames minuti wara l-Partinopei reġa’ marru minn fuq b’gowl ta’ Lozano biex daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq. Bajrami skorja doppjetta personali fit-68 minuta biex Empoli reġgħu ġabu l-iskor indaqs sakemm Petagna skorja l-gowl tar-rebħa fis-77 minuta għal riżultat finali ta’ Napoli 3 Empoli 2.