Futbol internazzjonali
Coppa Italia – Juventus u Inter jgħaddu fil-ħin barrani, Napoli jegħlbu lil Empoli

Juventus 3   Genoa 2 (wara l-ħin barrani)

Juventus għaddew għall-kwartifinali tal-Coppa Italia meta fl-Allianz Stadium għelbu lil Genoa 3-2 fil-ħin barrani. Il-bianconeri fetħu żewġ gowls vantaġġ meta Kulusevski skorja kmieni, wara biss żewġ minuti, biex poġġa lil Juventus minn fuq, imbagħad ipprovda l-assist għat-tieni gowl li kien skorjat minn Morata fit-23 minuta. Genoa naqqsu d-distakk permezz ta’ Czyborra fit-28 minuta.

Fit-tieni taqsima Genoa għamlu l-iskor indaqs bil-gowl ta’ Melegoni fl-74 minuta u sad-90 minuta baqgħu 2-2 biex il-logħba kellha tmur fil-ħin barrani. Rafia skorja l-gowl tar-rebħa għal Juventus b’gowl fil-105 minuta tal-ħin barrani biex b’hekk Juventus għaddew għar-round li jmiss.

Fiorentina 1   Inter 2 (wara l-ħin barrani)

Inter għaddew għall-kwartifinali tal-Coppa Italia meta għelbu lil Fiorentina fil-ħin barrani. In-neroazzurri marru fil-vantaġġ fl-40 minuta mill-penalty ta’ Vidal, b’Kouame ġab id-draw għall-Vjola fis-57 minuta. Sad-90 minuta l-iskor kien għadu 1-1 fl-Artemio Franchi, bil-logħba tmur fil-ħin barrani. Meta kollox deher li l-konfront kien ser jiġi deċiż bil-penalties, Lukaku sab ix-xibka fil-119-il minuta biex Inter rebħu 2-1 fuq Fiorentina.

Napoli 3   Empoli 2

Napoli għaddew għar-round li jmiss meta tħabtu biex għelbu lil Empoli 3-2. Di Lorenzo fetaħ l-iskor għal Napoli fit-18-il minuta, b’Bajrami jġib id-draw għal Empoli fit-33 minuta. Ħames minuti wara l-Partinopei reġa’ marru minn fuq b’gowl ta’ Lozano biex daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq. Bajrami skorja doppjetta personali fit-68 minuta biex Empoli reġgħu ġabu l-iskor indaqs sakemm Petagna skorja l-gowl tar-rebħa fis-77 minuta għal riżultat finali ta’ Napoli 3 Empoli 2.

 

Illejla jintlagħbu żewġ logħbiet oħra mill-Coppa Italia:

17:30   Sassuolo – Spal
21:15   Atalanta – Cagliari

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA