Futbol internazzjonali
Coppa Italia: Napoli l-ewwel tim fis-semifinali, Lazio eliminati

Napoli 1   Lazio 0

Eliminazzjoni sorpriża għal Lazio meta fis-San Paolo tilfu kontra Napoli bl-iskor ta’ 1-0. B’din it-telfa Lazio naqsu milli jkomplu jiddefendu t-titlu li rebħu fl-istaġun li għadda. Il-logħba kienet ikkaratterizzata minn dak li seħħ fl-ewwel 45 minuta, b’Lorenzo Insigne jiftaħ l-iskor wara biss 2 minuti logħob. Kien ix-xutt b’saħħtu tiegħu li għeleb lil Strakosha u għamilhom 1-0 daqstant kmieni fil-logħba. Lazio fallew milli jagħmlu l-iskor indaqs fit-8 minuta wara li Hysaj waqqa’ avversarju fil-kaxxa, u mill-11-il metru Ciro Immobile spara għoli biex l-iskor baqa’ 1-0 favur Napoli.

Mad-19-il minuta Napoli spiċċaw jilagħbu b’għaxra meta Hysaj dabbar it-tieni karta safra u r-referee bagħtu fid-dressing room ħafna qabel sħabu, imma donnu li Lazio ddejqu li jkollhom plejer aktar fil-grawnd, għaliex fil-25 minuta Lucas Leiva deher jgħaddi xi kummenti lir-referee li spiċċa ħareġ il-karta l-ħamra lilu wkoll u ż-żewġ timijiet kellhom jilagħbu l-kumplament tal-logħba bi plejer inqas.

Fid-89 minuta Lazio ħasbu li rnexxilhom iġibu l-iskor indaqs, imma wara li l-gowl kien iċċekkjat bil-VAR, kien deċiż li kien hemm offside u allura Napoli ħadu nifs fil-fond li rnexxilhom isalvaw ir-riżultat.

Illejla ser tintlagħab it-tieni kwartifinali meta Juventus jilqgħu lil Roma f’darhom. Il-logħba tibda fid-20:45.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA