Futbol lokali
Coronavirus: kaos fl-isport, Kampjonat BOV Premier sospiż
Il-football kollu lokali sospiż għal għaxart ijiem

Kaos fid-dinja tal-isport lokali u internazzjonali bl-allert tal-coronavirus ikompli jħarbat attivitajiet sportivi kullimkien.

Hawn Malta u anke Għawdex, il-logħob kollu tal-football u l-futsal huwa sospiż għal għaxart ijiem b’deċiżjoni tal-MFA effettiva minn għada l-Ġimgħa. Id-deċiżjoni taffettwa ż-żewġ rounds li jmiss tal-Kampjonat BOV Premier: wieħed il-weekend li ġej, u l-ieħor f’nofs il-ġimgħa il-ġimgħa ta’ wara: u tgħodd għal-livelli u l-attivitajiet kollha tal-football f’dan il-perjodu. L-MFA qalet li qed tieħu d-deċiżjoni wara konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet relevanti fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-mument. L-assoċjazzjoni tal-players l-MFPA fis-sigħat ta’ qabel ressqet proposta lill-MFA biex il-logħob jitwaqqaf.

Tħassru wkoll indefinittivament it-tiġrijiet taż-żwiemel organizzati mill-Malta Racing Club, il-waterpolo u l-kompetizzjonijiet kollha akwatiċi tal-ASA, il-basketball, il-hockey, l-isparar, l-attivitajiet tal-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, u t-tlielaq tal-kwart ta’ mil tal-Malta Drag Racing Association. TVMSport qiegħed f’kuntatt u qed jistenna konferma minn assoċjazzjonijiet oħra dwar attivitajiet sportivi li kellhom isiru fi tmiem il-ġimgħa.

Il-Malta Billiards & Snooker Association ħabbret intant li qed tirtira l-players kollha Maltin li kellhom jilagħbu fil-Kampjonati Ewropej tas-snooker fil-Portugall: waqt li l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ħassret it-Tour Internazzjonali ta’ Malta skedat għall-bidu t’April.

Konfużjoni totali anke fl-isport internazzjonali: b’sitwazzjoni inċerta għall-aħħar u attività wara l-oħra titħassar b’deċiżjonijiet jinbidlu kull minuta.

Tnejn mit-tmien partiti tal-ewwel leg tar-Round tas-Sittax tal-UEFA Europa League skedati għal-lejla ġew posposti: dawn huma Inter – Getafe fl-Italja, u Sevilla – Roma fi Spanja: waqt li erbgħa oħra se jintlagħbu bil-bibien magħluqa: Olympiacos – Wolves fil-Greċja, partita li se tintwera diretta fuq TVM2, LASK – Manchester Utd fl-Awstrija, u Eintracht Frankfurt – Basel, u Wolfsburg – Shakhtar Donetsk fil-Ġermanja.

U l-UEFA għadha kemm ħabbret li pposponiet ukoll iż-żewġ logħbiet taċ-Champions League ta’ nhar it-Tlieta bejn Juventus u Lyon, u Manchester City – Real Madrid, minħabba l-kwarantina mposta fuq il-players ta’ Juventus u Real.

F’aħbar oħra tal-aħħar sigħat: il-UEFA sejħet laqgħa t’emerġenza għal nhar it-Tlieta meta se tkun diskussa l-possibilta’ li l-kampjonat tas-sajf li ġej Euro 2020 jiġi pospost b’sena. Fil-periklu anke l-playoffs tal-aħħar ta’ dan ix-xahar għall-aħħar erba’ postijiet fil-Euro: u diversi friendlies internazzjonali skedati għal Marzu, fosthom tournament li jinvolvi t-team nazzjonali Malti.

Il-każ ta’ Juventus inqala’ wara li l-player tagħhom Daniele Rugani ittestja pożittiv għall-coronavirus: bi Cristiano Ronaldo ordnat jibqa’ d-dar il-Portugall fejn suppost mar iżur lil ommu marida: waqt li b’konsegwenza li wieħed mill-membri tat-team tal-basketball ta’ Real Madrid ukoll ittestja pożittiv, anke l-players tat-team tal-football, li juża l-istess faċilitajiet, intbagħtu d-dar għal ħmistax.

Il-logħob kollu tal-Liga Spanjola issa wkoll huwa sospiż għal ġimagħtejn, biex l-Ispanjoli qed isegwu fil-passi tas-Serie A fl-Italja, sospiża tat-3 t’April; tal-kampjonat Olandiż, sospiż sal-31 ta’ Marzuż; u tal-football Daniż, imwaqqaf għal ġimagħtejn: waqt li l-partiti tal-Ligue 1 fi Franza se jintlagħbu bil-bibien magħluqa.

Fl-Italja, minbarra Rugani, anke Manolo Gabbiadini ta’ Sampdoria instab pożittiv.

Illum feġġet il-possibiltà li anke l-Bundesliga Ġermaniża tiġi sospiża, jekk ma titwaqqafx għal kollox, wara li player tat-team tat-tieni diviżjoni Hannover instab li għandu l-coronavirus.

Fost sport ieħor affetwat: il-Formula 1: bl-ewwel Grand Prix tal-istaġun skedat għal nhar il-Ħadd li ġej f’Melbourne, l-Awstralja, issa uffiċjalment imħassar.

Fl-Istati Uniti l-NBA issospendiet l-istaġun tal-basketball wara li plejer ta’ Utah Jazz instab pożittiv… u l-finali tal-Federations Cup tat-Tennis li kellhom isiru f’Budapest l-Ungerija x-xahar id-dieħel ġew posposti għal data li trid titħabbar.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Hekk kif fil-preżent il-kampjonati f’Malta jinsabu wieqfa, huma ħafna dawk li ma jafux x’se jkun id-destin tal-klabbs lokali u x’se jiġri mill-istaġun li ġej. F’dawn il-jiem, beda jiltaqa’ l-Kumitat tas-Social…

Futbol lokali

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma jiddependix mill-assoċjazzjoni x’jiġri jekk il-Kampjonat BOV Premier jitwaqqaf fejn hu u ma jitkomplix, iżda trid tkun il-UEFA li taghti d-direzzjoni. Bjorn Vassallo llum…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association bdiet tgħin ukoll fil-kawża ta’ kontra l-coronavirus. L-MFA qed twassal messaġġ ta’ solidarjetà, rispett reċiproku u għaqda. Fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tagħha, l-MFA qalet li tinsab…

Futbol lokali

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Malta Football Association, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ikkomunika l-aħħar direzzjoni li l-assoċjazzjonijiet tal-football ewropej ingħataw mill-UEFA kif ukoll uffiċjaliżża l-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu…

Aktar