Futbol internazzjonali
“Cristiano Ronaldo huwa l-aqwa wieħed fid-dinja tal-futbol?! Għalija lanqas jagħmilha mal-aqwa ħamsa” – Antonio Cassano

Matul l-aħħar snin drajna naraw min jipprova jipparaguna lil Cristiano Ronaldo u Lionel Messi. Kien hemm dawk li kkumparawhom flimkien u oħrajn li qabbluhom ma’ stilel tal-passat, bħal Maradona u Pelé. Ħafna huma tal-fehma li Lionel Messi huwa l-aqwa ta’ kull żmien, b’numru kbir ieħor jemmnu li Cristiano Ronaldo huwa plejer komplut aktar mill-Arġentin u fil-karriera tiegħu rebaħ aktar unuri.

S’issa, fil-karriera tiegħu, Cristiano Ronaldo rebaħ il-Premier League, La Liga, is-Serie A, kif ukoll erba’ darbiet iċ-Champions League. Barra minn hekk huwa l-aqwa skorer internazzjonali ta’ kull żmien, u għadu jista’ jżid mat-total li diġà skurja. Għen lil pajjiżu, il-Portugall, sabiex jirbaħ it-Tazza Ewropea u n-Nations League, filwaqt li fuq livell personali rebaħ il-Ballun tad-Deheb ħames darbiet. Huwa biss Lionel Messi li rebaħ dan l-unur aktar minnu, sitta.

Jidher li Ronaldo mhux ma’ kulħadd jinżel tajjeb, fosthom Antonio Cassano, ex plejer ta’ Roma, Milan, Sampdoria, Inter u Real Madrid fost l-oħrajn. Cassano kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Taljan għal 11-il sena. Skont Cassano, Ronaldo qas jirnexxielu jagħmilha mal-aqwa ħames plejers ta’ kull żmien, avolja rebaħ dawk l-unuri kollha.

Skont Cassano, l-aqwa ħames plejers ta’ kull żmien huma: Lionel Messi, Pelé, Diego Maradona, Johan Cruyff, u Ronaldo (il-Brażiljan). Għal Cassano, Cristiano Ronaldo mhuwiex l-aqwa wieħed fid-dinja tal-futbol u sal-lum għadu ma laħaqx il-livell li laħqu l-ħames plejers li semma’.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA