Motorsport
Dakar Rally – Stadju ‘l bogħod biex Peterhansel jirbaħ l-14-il rally fil-karriera

Il-veteran Franċiż Stephane Peterhansel jinsab stadju ‘l bogħod milli jkompli jestendi r-rekord tiegħu ta’ rebħ tad-Dakar Rally. Wara li fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar huwa temm bi kwarta vantaġġ fuq il-Qatari Nasser al-Attiyah, kollox qed jindika li fl-istadju tal-lum Peterhansel jista’ jirbaħ l-14-il titlu fid-Dakar Rally fil-karriera tiegħu.

Il-11-il stadju kien mirbuħ minn Nasser al-Attiyah, biss Stephane Peterhansel żamm il-pass u daħal it-tieni u d-distakk bejniethom niżel biss b’żewġ minuti, minn 17 għall-15-il minuta. L-Ispanjol Carlos Sainz jinsab fit-tielet post imma m’għandux ċans li jirbaħ din l-edizzjoni għaliex maqtugħ waħda sew mit-tnejn ta’ quddiemu.

L-aħħar stadju fuq distanza ta’ 200 kilometru jasal sa Jeddah, u mhux previst li Peterhansel għandu jsib diffikultà li jirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena, sakemm ma jsibx xi problemi matul it-triq.

Fil-kategorija tal-muturi, Sam Sunderland fuq KTM rebaħ il-11-il stadju biex tela’ fit-tieni post tal-klassifika, 4 minuti u 12-il sekonda wara l-Arġentin tal-Honda Kevin Benavides. L-Amerikan Ricky Brabec niżel fit-tielet post, bil-kompatrijott tiegħu Daniel Sanders jinsab fir-raba’ post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA