Atletika
Daniel Saliba jikser ir-rekord Nazzjonali tal-110m hurdles

L-atleta ta’ Pembroke Athleta Daniel Saliba kiser ir-rekord nazzjonali fil-110m hurdles,  b’ħin stupend ta’ 15.50 sekonda.

Fit-throws, l-atleta ta’ St Patrick’s, Mireya Cassar, fil-kategorija Under 18 rreġistrat l-aqwa prestazzjoni nazzjonali għal din l-età fix-Shot Put. Hija tejbet ir-rekord attwali tagħha bi 8ċm, b’tefa’ ta’ 13.42m.

Is-sorpriża tal-ġurnata ġiet mill-atleta miż-Żimbabwe Lloyd Tadiwanashe Mhiripiri, plejer tar-rugby kkowċjat minn Mario Bonello, li rreġistra doppjetta, b’10.94s fil-100m u 22.45s fil-200m. F’din it-tellieqa kien hemm ħin eċċellenti għall-atleta paralimpiku ta’ Żurrieq Wolves, Antonio Flores, li b’12.48s kien jikkwalifika bħala rekord nazzjonali paralimpiku fil-kategorija T64 li kieku r-riħ f’dak il-mument m’eċċeddix il-limiti aċċettati mir-regolamenti.

Fl-400m nisa ftit kien hemm storja b’Janet Richard (Pembroke A.) tirbaħ bl-aqwa ħin dan l-istaġun 54.54, biex ressqet qrib ir-rekord ta’ Tanya Blake (54.29) li issa ilu hemm 12-il sena.

Claire Azzopardi (Pembroke Athleta), li dan l-istaġun kellha diversi doppjetti fil-100 m u l-long jump kellha ċċedi l-kompetizzjoni tal-mistiedna barranija Rebeccca Chapman li rebħet it-tellieqa bi 11.95s. Għal Azzopardi, il-ħin tagħha ta’ 12.03 xorta kien l-aqwa ħin personali.

Żgur li waħda mill-aktar prestazzjonijiet impressjonanti f’din iċ-Challenge kienet ir-rebħa ta’ Dillon Cassar, (Raptorz Running Club) li ddebbuta fil-1,500 metru b’ħin ta’ 4:05.16, tmien sekondi vantaġġ fuq Jean Paul Debono. Ta’ min jinnota li Cassar kien qed jiġri 24 siegħa biss wara rebħa tiegħu fit-tellieqa fit-triq Fastest 5 (5km) li saret il-ġurnata ta’ qabel.

F’Riżultati oħra Charlotte Wingfield kkumpensat għad-delużjoni tagħha fil-100m, b’rebħa fil-200m b’ħin ta’ 25:07.

Fil-long jump, Ian Paul Grech (Pembroke Athleta) rebaħ il-kompetizzjoni tal-irġiel b’qabża tajba ta’ 7.07m. Rebecca Chapman kisbet l-aqwa qabża fost in-nisa b’6.20m.

Fl-400m tal-irġiel Luca Farrugia (Rush) għeleb l-avversarji tiegħu b’50.13s, filwaqt li fit-800metru kien hemm prestazzjoni eċċellenti mill-atleta ta’ Pembroke Athleta Christian Luke Chetcuti b’Season Best u Personal Best ta’ 1:57.01.

Luke Farrugia u Luca Martini ta’ Rush AC, li fil-ġimgħat li għaddew irreġistraw rekords nazzjonali, reġa’ kellhom riżultati eċċellenti, b’tefa’ ta’ 51.59m u 55.59m rispettivament fid-discus u l-hammer. Ta’ min isemmi wkoll fost l-atleti ta’ taħt is-sittax-il sena, tefa’ ta’ 40.17m minn Kareem Chouhal (Rush AC).

Il-programm wasal fi tmiemu b’tellieqa ta’ 3000 metru mirbuħa minn Imed Ben Moussa (Irġiel – La Salle), f’ħin ta’ 9:42.58, Monalisa Camilleri (Libertas As -Nisa) f’10:00.79 u Julian Zarb (La Salle – U16) f’10:13.71.

L-appuntament li jmiss fl-atletika lokali hu nhar is-Sibt li ġej bis-sitt appuntament għall-kategoriji tat-tfal u żgħażagħ.

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Atletika

Aktar minn 9,500 atleta li ħadu sehem fin-nofs maratona f’Moska, ir-Russja, kellhom iżommu ma’ protokoll partikolari minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Qabel bdiet it-tellieqa kull atleta kellu t-temperatura ta’ ġismu ċċekkjata, filwaqt…

Atletika

Il-Federazzjoni tal-Atletika fir-Russja qed tistenna x’se jkun il-verdett finali li se joħroġ mill-assoċjazzjoni dinjija tal-Atletika dwar sanzjonijiet ġodda li mistennija jittieħdu kontrihom. Hemm l-għidut li r-Russi jistgħu jiġu sospiżi għal…

Atletika

Id-deċżjoni dwar jekk hux se tkun qed issir il-maratona ta’ Londra jew le għad trid tittieħed fis-7 ta’ Awwissu hekk kif illum baqa’ ma ntlaħaqx ftehim. Din l-aħbar tawha l-organizzaturi…

Aktar