Tennis
Daniil Medvedev jirbaħ l-Open tal-Istati Uniti … Djokovic ikollu jistenna għall-21 Grand Slam

Il-ħolma ta’ Novak Djokovic li jsir l-ewwel tennist li qatt rebaħ 21 Grand Slam taret mar-riħ fl-Open tal-Istati Uniti hekk kif ir-Russu Daniil Medvedev rebaħlu fi tliet sets.

L-istennija għall-finali kienet waħda kbira fl-Arthur Ashe Stadium, bi Djokovic qrib li jirbaħ erba’ Grand Slams f’sena waħda. Biss quddiemu kellu lil Medvedev, l-aħħar intopp qabel jgħolli trofew ieħor wara dawk tal-Awstrlaja, Franza u Wimbeldon.

Din il-finali kienet replika ta’ dik tal-Open tal-Awstralja meta ż-żewġ tennisti affaċċjaw lil xulxin fl-aħħar logħba tat-turnew. Dakinhar kien Djokovic li għolla t-tazza tar-rebbieħ, imma did-darba s-sitwazzjoni kienet differenti.

Fit-tielet finali tiegħu fi Grand Slam, Medvedev irnexxielu jgħolli t-trofew rebbieħ għall-ewwel darba meta għeleb lis-Serb 6-4, 6-4, 6-4.

Din kienet il-ħames logħba konsekuttiva li matulha Djokovic tilef l-ewwel sett, imma fil-logħbiet l-oħra dejjem irkupra, ġie minn wara, u finalment ħareġ rebbieħ. Biss fil-finali, dak li seħħ fil-passat ma kienx il-garazija tal-futur, għaliex malli tilef anke t-tieni sett kontra Medvedev, deher ċar li s-Serb kien qiegħed iżomm ma’ tibna. Mat-tielet sett Djokovic ma setax jagħmel aktar ħlief li jaċċetta t-telfa, u b’hekk tilef l-Open tal-Istati Uniti.

Dan kien it-tieni diżappunt għal Djokovic f’temp ta’ xahar wara li f’Awwissu li għadda ma rnexxilux jirbaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA