Olimpijadi TOKYO 2020
Daqqa oħra għall-Olimpjadi … tirtira l-ġinnasta Simone Biles

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li għandu l-akbar rispett u lest li jagħti s-sapport lil Simone Biles, il-ġinnasta Amerikana li ddeċidiet li tirtira mill-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Simone Biles kienet mistennija li tikkompeti fil-kategorija tat-timijiet mal-Istati Uniti, imma rtirat ftit qabel ma bdiet il-kompetizzjoni.

Ftit sigħat wara din l-aħbar, hija rtirat ukoll mill-kompetizzjoni individwali. Hija żvelat dan fuq Twitter, u jidher li ser tkun il-ġinnasta Jade Carey li ser tieħu postha.

L-Amerikana kienet mistennija li tkompli żżid il-midalji f’isimha f’din l-edizzjoni, biss hi saħqet li s-saħħa mentali hija aktar importanti mill-isport.

Kelliem għall-Kumitat Olimpiku Amerikan qal li jista’ jsir ħafn’aktar fuq is-saħħa mentali tal-atleti, b’kelliem għall-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jgħid li l-ħidma ilha għaddejja biex tkun imħarsa s-saħħa mentali tal-atleti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA