Darts
Darts: Brydon u Mallia jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali tas-Singles Tournament

Adrian Brydon u Joe Mallia ngħaqdu ma’ George Mizzi u Anthony Borg fil-fażi tal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni individwali organizzata mill-assoċjazzjoni Maltija tad-darts wara li l-Ġimgħa filgħaxija ntlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dan it-turnament.

It-tieni grupp ta’ plejers kellhom jilagħbu l-fażi preliminari qabel ma erbgħa minnhom għaddew mal-aħħar 32 li eventwalment naqsu sabiex jiġi determinat min jgħaddi għall-kwarti tal-finali.

Fir-rawnd preliminari, Ray Gera ddomina lil Luuk Wood 3-0 filwaqt li Joe Mallia ħa walkover fuq Carlos Spiteri rispettivament meta rebħulhom 3-0. Mill-banda l-oħra, Adrian Brydon u Noel Grixti kellhom jaslu sal-ħames logħba sabiex għelbu bl-iskor identiku ta’ 3-2 lil Godwin Borg u Joseph Micallef rispettivament.

Fit-tieni rawnd, Adrian Brydon, Joe Mallia u Noel Grixti rebħu 3-0 lil Aiden Cilia, Jonathan Sciberras u Joseph Martin rispettivament. Fl-istess waqt kellna logħba divertenti bejn Johann Xerri u Ray Gera b’tal-ewwel li jirbaħ 3-1.

Finalment fil-fażi tal-aħħar sittax, kien hemm aktar bilanċ tant li r-riżultat kien deċiż wara t-tielet logħba. Fl-ewwel konfront, Adrian Brydon għeleb lil Johann Xerri 3-2 filwaqt li Joe Mallia rebaħ lil Noel Grixti 3-1.

Il-kompetizzjoni individwali tkompli nhar it-Tnejn li ġej b’10 logħbiet oħra li jiddeterminaw żewġ kwartifinalisti oħra.

Dan il-logħob qed isir f’sala fil-Ħamrun u qed jintlagħab bir-regola tal-aħjar minn ħames logħbiet.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'