Darts
Darts: Jingħata bidu għall-istaġun lokali bit-turnament individwali

L-Erbgħa li għaddew ngħata bidu għall-istaġun lokali tad-darts bil-kompetizzjoni individwali li saret f’sala fil-Ħamrun. Kollox beda mir-rawnd preliminari fejn intlagħbu erba’ logħbiet b’George Mizzi, Ryan Xuereb,, Anthony Borg u Jesmond Falzon li avvanzaw għall-fażi tal-aħħar 32 wara li għelbu lil Ivan Bozhinoski, Neville Farrugia, Alfred Muscat u Chris Scerri rispettivament.

Fil-fażi tal-aħħar 32, kellna lil George Mizzi jegħleb lil David Abdilla 3-0 filwaqt li Sorin Petru Alistar kien aħjar minn Ryan Xuereb hekk kif rebaħlu 3-0. Anthony Borg kellu jmur għar-raba’ logħba sabiex għeleb lil David Brydon 3-1 filwaqt li f’logħba missielta Martin Debono tħabat aktar milli mistenni sabiex kiseb il-kwalifikazzjoni għas-spejjeż ta’ Jesmond Falzon bl-iskor ta’ 3-2.

Finalment saru l-ewwel żewġ logħbiet tal-fażi tal-aħħar 16 fejn sirna nafu li George Mizzi u Anthony Borg huma l-ewwel kwartifinalisti wara li għelbu lil Sorin Petru Alistar 3-2 u Martin Debono 3-0 rispettivament.

Il-logħob ikompli llejla bit-tieni grupp ta’ plejers li se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin sabiex jiksbu post fil-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'