Sport Lokali
Darts: Qormi Hockey Club A jirbħu l-MDA Summer League

Qormi Hockey Club A huma r-rebbieħa tal-kampjonat nazzjonali tas-sajf organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts meta fi stabbiliment fil-Birgu huma għelbu lil Żejtun Domus bl-iskor ta’ 6-0. Kienet logħba ddominata mill-bidu sal-aħħar mill-Qriema li ma tawx ċans lill-avversarji Żwieten joħolqu xi tip ta’ punti bil-plejers tagħhom li żammew konċentrazzjoni liema bħalha, fattur li hu importanti fi sport bħal dan.
Dan it-turnament li ntlagħab matul dawn l-aħħar ġimgħat kien ta’ suċċess kbir fejn il-plejers esperimew is-sodisfazzjon tagħhom li reġgħu rritornaw jilagħbu l-logħba li tant iħobbu wara aktar minn sena fejn dan l-isport ma setax jiġi pprattikat minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. B’kollox 15-il tim ipparteċipaw f’dan it-turnament li kien maqsum fi tliet gruppi ta’ ħames timijiet-il wieħed.

Fi tmiem il-logħba, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts Roderick Zammit ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Qormi Jonathan Aquilina.

Sadanittant tħabbar li f’Ottubru li ġej se jibda l-kampjonat nazzjonali bl-ammont ta’ timijiet parteċipanti li jiġu kkonfermati waqt il-laqgħa ġenerali annwali li se ssir dalwaqt.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'