Darts
Darts: Roderick Zammit huwa l-President il-ġdid tal-MDA

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts li saret riċentement, Roderick Zammit ġie maħtur fil-kariga ta’ President.

Fil-fatt din l-assoċjazzjoni laqqgħet lill-membri tagħha fil-kwartieri ġenerali tagħha fiż-Żejtun.

F’din il-laqgħa nfetħu n-nominazzjonijiet għall-uffiċjali tal-kumitat il-ġdid u wara diskussjonijiet li saru, ġie elett it-tim il-ġdid li se jkun qed jieħu r-riedni ta’ din l-assoċjazzjoni.

Kif għedna, Roderick Zammit inħatar bħala president il-ġdid filwaqt li l-viċi-presidenti se jkunu David Abdilla u Tony Tonna. Joe Borg ġie maħtur bħala teżorier b’Noel Gauci li se jieħu f’idejh l-affarijiet interni.

Għall-ewwel darba sa minn twaqqfet l-MDA, is-segretarju ġenerali u l-Public Relations Officer ġew innominati mill-kumitat eżekuttiv. Din hi sistema ġdida li fiha  nbidlet l-istruttura tal-membri tal-kumitat.

Huwa għalhekk li l-kumitat eżekuttiv se jkun irrappreżentat minn żewġ membri tal-kunsill innominati mill-klabbs tal-ewwel diviżjoni sabiex ikunu parteċipi f’dan il-kumitat. L-istess proċedura se tiġi attwata fit-tieni u t-tielet diviżjoni.

Sar magħruf ukoll li 260 plejer irreġistraw sabiex jiffurmaw parti mill-istaġun li jmiss bit-timijiet parteċipanti li se jkunu 28.

Normalment il-kampjonat nazzjonali għandu erba’ kategoriji li huma 8-a-side, 5-a-side, 4-a-side u Premier League.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'