Futbol lokali
Debutt diffiċli għal Saintfiet, Malta titlef 3-0 mal-Estonja

PARTITA INTERNAZZJONALI TA’ ĦBIBERIJA

MALTA…………0

ESTONJA……..3

Wirja fqira, pjuttost deludenti għal pajjiżna meta fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali, Malta tilfet logħba ta’ ħbiberija kontra l-Estonja bl-iskor ta’ 3-0. Dan kien id-debutt għall-kowċ internazzjonali Malti Tom Saintfiet, debutt xejn feliċi, għaliex sal-ewwel kwarta l-Maltin kienu diġa’ 2-0 minn taħt. Din kienet l-ewwel darba li l-Maltin qalgħu tliet goals kontra l-Estonja.

Dan kien is-sitt konfront għal pajjiżna kontra l-Estonja fejn żgur jibqa’ miftakar il-konfront f’Talinn lura għall-1993 meta l-Maltin kienu ħarġu rebbieħa 1-0 b’goal ta’ Kris Laferla fil-fażi tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1994. Rebħa oħra pjuttost kbira għal pajjiżna fl-2004 meta fil-Malta International Tournament il-Maltin rebħu kontra l-Estonja bl-iskor ta’ 5-2. Fil-logħbiet l-oħra, l-Maltin ġew darbtejn draw u tilfu darba.

Lanqas laħqet għaddiet minuta li t-tim Malti ma spiċċax minn taħt. Kien il-pass ta’ Mosnikov ʼil quddiem, Rauno Sappinen daħal tajjeb, qabeż lil Bonello u tefa’ fix-xibka għal 1-0. Reazzjoni mill-Maltin fil-11-il minuta meta x-xutt mid-distanza ta’ Fenech għadda għoli mil-lasti ta’ Meerits. Tlettax-il minuta u l-Estonja ngħataw penalty meta Pikk twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru Sergei Mosnikov tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper oħra għal 2-0. Mat-22 minuta Bonello kellu jkun attent biex dawwar f’corner il-freekick ta’ Mosnikov. L-ewwel ċans perikoluż għal Malta wasal minn Farrugia fit-33 minuta meta minn qagħda angolata prova għal ġewwa imma sab lil Meerits attent biex tajjar il-ballun f’corner. U għaxa minuti wara, fit-43 minuta kien Gambin li prova minn pożizzjoni simili ta’ Farrugia aktar kmieni, imma Meerits reġa’ dawwar f’corner.

Qabel bdiet it-tieni taqsima l-kowċ Saintfiet qala’ lil Zach Muscat u daħħal minfloku lil Zerafa, sostituzzjoni li prattikament ma bidlet xejn minn dak li konna qed naraw fl-ewwel taqsima. Aktar kemm għadda l-ħin is-sostituzzjonijiet bdew ġejjin waħda wara l-oħra miż-żewġ timijiet, imma l-Maltin baqgħu jbatu kontra l-Estonja u l-uniku plejer li donnu seta’ jagħmel xi ħaġa għal Malta kien Gambin, li iżda ma kienx prolifiku biżżejjed fl-ideat malli beda jersaq lejn il-kaxxa l-kbira. Disgħa u sittin minuta u Nwoko falla ċans tad-deheb li jnaqqas id-distakk, meta Mifsud tefa’ cross insidjuż, laħaq Nwoko li iżda tefa’ l-ballun għoli u wiċċu bejn idejh għaliex induna ċ-ċans kbir li tilef. Sitta u sebgħin minuta u l-cross ħażin ta’ Teniste għal ftit ma qarraqx b’Bonello li iżda rnexxielu jilqa’ l-ballun qabel jispiċċa fix-xibka. Għalkemm fit-tieni taqsima l-Maltin pruvaw ikunu xi ftit aktar avventurużi, xorta waħda fl-ebda ħin ma nkwetaw lill-goalkeeper Meerits li kellu waranofsinhar pjuttost kwiet bejn il-lasti. U fid-90 minuta l-Estonja skurjaw it-tielet meta Kait tefa’ cross fil-kaxxa lejn Henri Anier li minn taħt Bonello żerżaq il-ballun ġewwa għal 3-0.

Riżultat finali: MALTA 0  Estonja 3

Referee: Genc Nuza (mill-Federazzjoni tal-Kosovo)

Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-Kummissarju tad-dixxiplina ħareġ dalgħodu s-sospensjonijiet wara l-logħbiet ta’ tmiem il-ġimgħa mill-Kampjoant BOV Premier. Players sospiżi: Christoph Nicht – Naxxar Lions – (Żewġ logħbiet) Lucas Maia Verone – Birkirkara (Logħba) Felipe…

Futbol lokali

BOV Premier: Il-goals kollha tal-11 -il ġurnata mill-Kampjonat 2017/18

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2017/18 Hamrun Spartans…0 Valletta……………….0 Valletta tilfu ċans tajjeb biex jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika BOV Premier wara draw ta’ mingħajr gols kontra Ħamrun Spartans. Draw li jfisser li…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2017/18 Floriana……..1                                                              Sliema……….0 Tliet punti importanti għal Floriana minkejja li kienet partita bilanċjata u nieqsa mill-azzjonijiet. L-ewwel azzjoni kienet ta’ Floriana fl-għaxar minuta logħob Cross ta’ Steve…

Aktar