Futbol lokali
FILMAT: Debutt feliċi għall-kowċ Stephen D’Amato ma’ Tarxien Rainbows

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Tarxien R. FC………….4

Senglea A. FC………….2

Rebħa oħra għal Tarxien Rainbows fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Senglea Athletic 4-2. Dan kien id-debutt għall-kowċ Stephen D’Amato mar-Rainbows, wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-kumitat aċċetta r-riżenja tal-kowċ Winston Muscat. Għal Senglea, għalkemm matematikament għadhom jistgħu jsalvaw fil-Premier, din il-missjoni qed issir dejjem aktar impossibbli.

Fid-debutt tiegħu mar-Rainbows, il-kowċ Stephen D’Amato għamel żewġ bidliet mill-11 li bdew fit-telfa kbira kontra Santa Lucia ġimgħa ilu, 7-0. D’Amato għamel bidla fil-goalkeepers, fejn Jurgen Borg kien fuq il-bank u postu ħadu Daniel Fernandes. Min-naħa l-oħra, Darren Falzon ħa post Eduardo Rosado li ma kienx mgħajjat mat-tmintax.

Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Clive Mizzi għamel tliet bidliet mill-formazzjoni li bdiet fit-telfa kontra Lija Athletic f’nofs il-ġimgħa. Firas Aboulezz beda minflok Zachary Cassar li kien sospiż, filwaqt li Igor Misan u Andre Scicluna ħadu post Daneel Abela u Luca Brincat li bdew fuq il-bank.

Il-logħba mal-ewwel ġiet għat-telgħa għal Senglea, għax wara biss tmien minuti spiċċaw b’għaxra meta Dion Fava, li kien l-aħħar raġel, waqqa’ lil Plut li kien ġej waħdu quddiem il-goalkeeper, bir-referee Farrugia ma jkollux għażla ħlief li joħroġ il-ħamra diretta. Fit-23 minuta r-Rainbows marru fil-vantaġġ meta Darren Falzon mill-kaxxa l-kbira u minn qagħda angolata tefa’ ballun fir-rokna tax-xibka biex għeleb lill-goalkeeper Farrugia. U fil-25 minuta Tarxien għajtu għall-penalty meta difensur Senglean deher imiss ballun b’idu li kien destinat għal ġewwa, imma r-referee ħalla l-logħob għaddej. Tarxien għamluhom tnejn fit-38 minuta meta mill-freekick ta’ Paz, Camilo Escobar bir-ras tefa’ fix-xibka. Fit-43 minuta Debono tar-Rainbows kien sfortunat li ma niżżilx ismu mal-lista tal-iskorers, għax l-ewwel xutt tiegħu kien imtajjar mill-goalkeeper, bid-daqqa ta’ ras li segwiet, ra l-ballun jaħbat mal-mimduda. Fuq in-naħa l-oħra, fil-45 minuta Dibola pprotesta għall-penalty meta Tabone deher imiss il-ballun b’idejh imma għal darb’oħra r-referee Farrugia ħalla kollox għaddej.

Tarxien Rainbows għamluhom 3-0 fil-50 minuta meta mill-cross ta’ Paz, Vito Plut bir-ras ikkonkluda ġewwa u għalaq il-logħba favur it-tim tiegħu. Fit-63 minuta Senglea ngħataw penalty meta Debono deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, did-darba r-referee Farrugia saffar u mill-11-il metru Junior Dibola naqqas id-distakk u għamilhom 3-1. Reazzjoni minn Tarxien fis-66 minuta meta Plut ġie quddiem il-goalkeeper Farrugia u mgħasses minn difensur ittanta xutt għal ġewwa li iżda kien imtajjar. Senglea Athletic skurjaw it-tieni fis-76 minuta. Kien is-sostitut David Xuereb li din id-darba qabad ballun mix-xellug u minn qagħda angolata dawwar wara Fernandes b’gowl sabiħ biex għamilhom 3-2. Filwaqt li l-Athletic kienu qed jittamaw li jġibu l-iskor indaqs, Vito Plut fuq in-naħa l-oħra skorja r-raba’ fit-83 minuta wara li rċieva cross ta’ Paz biex għamel l-iskor 4-2.

Riżultat finali: Tarxien R. FC  4-2  Senglea A. FC

BOV Plejer tal-Logħba: 

Referee: Philip Farrugia

Formazzjonijiet:

Tarxien R. FC – Daniel Fernandes(GK), Filho Carlos Conceicao (90+1’ Cedric Zahra), Edison Zarate Bilbao (Dale Tabone 90+1’), Darren Falzon, Vito Plut, Jurgen Debono (77’ Luke Sciberras), Leonardo Henrique Ferreira (69’ Matthew Spiteri), Ivan Edgardo Paz (90+1’ Keith Attard), Kyle Gatt, Matthew Tabone(c), Camilo Escobar

Senglea A. FC – Matthew Farrugia(GK)(c), Sergio Uyi (46’ Luca Brincat), Alan Abela, Firas Aboulezz (86’ Charlo Buttigieg), Freud Gnindokponou (60’ David Xuereb), Samuel Buhagiar, Igor Misan, Dion Fava, Andre Scicluna, Junior Dibola (86’ Joseph Attard), Dejan Kukic

 

Miktub minn...
TVM Sport
.