Futbol internazzjonali
Diversi logħbiet ta’ ħbiberija bi preparazzjoni għall-EURO 2020

Ingilterra  1-0  Awstrija

F’logħba ta’ ħbiberija li ntlagħbet fir-Riverside Stadium ta’ Middlesbrough, l-Ingilterra għelbet lill-Awstrija 1-0. Il-gowl uniku tal-konfront wasal fis-57 minuta minn Saka.

Olanda  2-2  Skozja

Draw bejn l-Olanda u l-Iskozja fl-Estadio Algarve fil-Portugall. Hendry fetaħ l-iskor għall-Iskoċċiżi fil-11-il minuta, imma Depay ġab id-draw għall-Olandi#i fis-17-il minuta u hekk baqgħu sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima reġgħu kienu l-Iskozja li marru fil-vantaġġ għat-tieni darba meta Nisbet sab ix-xibka fl-64 minuta, b’Depay jiskorja doppjetta personali u jerġa’ jġib id-draw għall-Olanda fid-89 minuta.

Ġermanja  1-1  Danimarka

Draw ukoll fit-Tivoli Stadiun Tirol t’Innsbruck, fejn il-Ġermanja u d-Danimarka spiċċaw 1-1. Il-gowls waslu fit-tieni taqsima, bil-Ġermaniżi jmorru minn fuq fit-48 minuta permezz ta’ Neuhaus, imma Poulsen ġab id-draw għad-Daniżi fil-71 minuta.

Franza  3-0  Wales

Rebħa komda għal Franza fuq Wales fl-Allianz Riviera ta’ Nizza meta rebħulhom 3-0. Il-logħba kienet ikkundizzjonata minn tkeċċija kmieni għal Wales meta Williams kien imkeċċi b’karta ħamra diretta fis-26 minuta. Mill-penalty segwenti, Benzema falla fir-ritorn tiegħu ma’ Franza. Kien Kylian Mbappe li fetaħ l-iskor fil-35 minuta biex sal-ewwel taqsima l-iskor kien 1-0 favur Les Blues.

Kmieni fit-tieni taqsima l-Franċiżi żiedu ieħor fit-48 minuta permezz ta’ Griezmann, sakemm Dembele għalaq il-logħba bit-tielet gowl fid-79 minuta.

F’logħbiet oħra:

Rumanija  1-2  Ġorġja
Norveġja  1-0  Lussemburgu
Bożnja-Ħerzegovina  0-0  Montenegro

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA