Diżappunt għat-tiratriċi Maltija Eleonor Bezzina rebbieħa tad-deheb sentejn ilu

GSSE 2015 fl-Iżlanda

Fl-Isparar bl-air pistol diżappunt qawwi għat-tiratriċi Maltija Eleonor Bezzina, rebbieħa tad-deheb sentejn ilu fil-Lussemburgu, li did-darba rnexxielha tispiċċa biss fis-sitt post. Bezzina dehret fost il-favoriti ghall-medalji meta avvanzat għar-round finali fit-tieni post mill-kwalifikazzjonijiet żewġ punti biss wara t-tiratiriċi tal-Lussemburgu Sylvie Schmit. Il-Maltija iżda naqset li ssib l-aħjar forma fil-finali fejn ġabet punteġġi baxxi u kienet it-tielet atleta eliminata bi skor ta’ 109. Schmit spiċċat ħadet id-deheb. Viżibilment diżappuntata, Eleonor qalet wara l-kompetizzjoni li ma tistax tifhem għaliex il-wirja fqira tagħħa imma hija determinata li tuża l-esperjenza negattiva biex tirritorna aktar b’saħħitha.

Fit-tennis assigurati mill-inqas zewg medalji ghall-Maltin. Wara li diga’ ghaddiet ghall-finali tad-doubles, Elaine Genovese ghelbet ukoll l-isfida ta’ Eleonora Molinaro tal-Lussemburgu biex ikkwalifikat ghas-semifinali tas-singles kontra ċ-Ċiprijotta Raluga Serban. Ma kinitx kwalifikazzjoni facli, b’Elaine tmur fil-vantaġġ kmieni imma ssofri r-rimonta tat-tennista Lussemburgiża biex tilfet l-ewwel sett 5-7. Il-Maltija kienet kważi wkoll tilfet il-konfront imma salvat minn setpoint kontriha biex rebħet it-tieni set 7-6 b’tiebreak imbagħad iddominat it-tielet set deċiżiv 6-2.

Mhux l-istess xorti għall-Maltija l-oħra Katrina Sammut li sabet għadma iebsa wisq fil-kwartifinali tagħha kontra Danka Kovinic tal-Montenegro u tilfet 2-6, 2-6. Il-Ħamis fil-finali tad-doubles tan-nisa, Genovese u Sammut jilaghbu kontra l-koppja Molinaro-Schaul tal-Lussemburgu. Impenjat ukoll Matthew Asciak fil-kwartifinali tas-singles tal-irġiel kontra Sergios Kyratzis ta’ Ċipru.

Fit-tabletennis bronz ghat-team tan-nisa Maltin Jessica Pace u Victoria Lucenkova wara li tilfu s-semifinali kontra l-Lussemburgu 3-1. Il-Ħamis tibda l-kompetizzjoni tad-doubles.

Fil-golf it-team Malti ta’ Daniel Holland u Andrew Borg għalaq il-ġurnata fit-tieni post, għaxar kolpi wara l-Iżlanda li qegħda l-ewwel. Indiviwalment, Holland spiċċa l-ewwel ġurnata r-raba’ b’punteġġ ta’ 72 daqs l-iżlandiż Bjornsson, u b’Andrew Borg fit-tmien post.

Miktub minn...
Rodney Vassallo