Futbol internazzjonali
Diżappunt ieħor għal Barcelona … Ronald Koeman fix-xifer li jitkeċċa

Ikompli jberraq għal Ronald Koeman hekk kif ilbieraħ filgħaxija Barcelona kellhom jitħabtu biex ġabru punt fil-logħba kontra Granada fin-Nou Camp.

Jidher ċar li l-Katalani qegħdin isibuha diffiċli jiskurjaw u wara 4 logħbiet jinsabu fis-7 post tal-klassifika, b’żewġ rebħiet u żewġ dros. Granada skurjaw kmieni ħafna fil-logħba u rnexxilhom iżommu lil Barcelona ‘l bogħod mix-xibka tagħhom għal 88 minuta. Il-Katalani taw mal-54 kross fil-kaxxa avversarja sabiex jippruvaw iġibu l-gowl tad-dro, u saħansitra Gerard Pique ħareġ minn fuq il-bank tas-sostituti biex jgħin lil Luuk de Jong fl-attakk. Anke d-difensur ċentrali Ronald Araujo spiċċa jattakka f’dan il-konfront. Fil-fatt kien Araujo li rnexxielu jsib ix-xibka fid-90 minuta biex għallinqas salva punt għall-Katalani. Jekk bil-gowl tiegħu rnexxilux isalva lill-kowċ Koeman għal ftit jiem oħra għad irridu naraw.

Il-pożizzjoni ta’ Koeman fit-tmexxija tal-klabb qiegħda żżomm b’ħajta. Wara t-telfa fiċ-Champions League ta’ 3-0 kontra Bayern Munich, ħafna bdew jispekulaw li riżultat negattiv fil-logħba li jmiss tal-kampjonat seta’ jfisser it-tim għall-kowċ Olandiż. Jidher li l-partitarji spiċċaw isaffru lill-plejers tagħhom mas-suffara finali kontra Granada, fejn id-diżappunt ma kienx biss ir-riżultat imma l-wirja tat-tim inġenerali.

Jidher li fl-aħħar ġimgħat anke r-relazzjoni bejn Koeman u l-President Joan Laporta messet il-qiegħ, b’sorsi Spanjoli jgħidu li l-President Katalan diġà qiegħed ifittex lis-sostitut ta’ Koeman. Probabbli hija sitwazzjoni “ta’ meta mhux jekk” Ronald Koeman jitneħħa minn kowċ ta’ Barcelona.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA