Olimpijadi TOKYO 2020
Dominanza Ċiniża fl-għawm tan-nisa, bl-Irlanda tirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb fil-qdif ta’ bi tnejn

It-tim Ċiniż tan-nisa tal-4x200m freestyle relay kien qed jittama li jegħleb lill-Kanada għall-midalja tal-bronż. Allura kienet pjuttost sorpriża li spiċċaw rebħu d-deheb f’ħin rekord. It-tim iffurmat minn Zhang Yufei, Yang Junxuan, Tang Muhan u Li Bingjie marru kmieni fuq quddiem u baqgħu hekk biex għamlu ħin ta’ 7 minuti 40.33 sekondi. Huma temmew quddiem l-Istati Uniti li kienu biss 0.40 sekondi warajhom u fit-tielet post spiċċaw l-Awstraljani li ddiżappuntaw wara li kienu qed jissemmew li jistgħu jirbħu d-deheb huma. It-tliet timijiet għamlu ħin aħjar milli kienu għamlu l-Awstraljani fl-2019, li kien ir-rekord dinji sa dalgħodu.

Aktar kmieni fil-ġurnata, iċ-Ċiniża Zhang Yufei rebħet id-deheb fil-200 metru butterfly. Siegħa biss qabel il-4x200m freestyle relay, Zhang kienet qed tikkompeti u marret aħjar mir-riżultat li kisbet fil-100m butterfly, meta rnexxielha tirbaħ il-fidda. Zhang kienet segwita mill-Amerikani Regan Smith u Hali Flickinger, biex b’hekk l-Istati Uniti rritorna fuq il-podju wara nuqqas ta’ 21 sena, sa mill-Olimpjadi ta’ Sydney fl-2000.

 

Fil-qdif ta’ bi tnejn tal-irġiel, l-Irlandiżi Paul O’Donovan u Flintan McCarthy irnexxilhom jirbħu d-deheb f’ħin ta’ 6 minuti 06.43 sekondi, biex temmew quddiem il-Ġermanja u l-Italja li rebħu l-fidda u l-bronż rispettivament. Għall-Irlandiżi dan kien suċċess aħjar minn ta’ Rio meta dakinhar rebħu l-fidda. Din kienet l-ewwel midalja tad-deheb għall-Irlanda sa mill-2012, u l-ewwel darba f’dan l-isport.

Fil-kategorija tan-nisa kienu t-Taljani li ddominaw, u spiċċaw quddiem Franza u l-Olanda. Federica Cesarini u Valentina Rodini taw ir-rebħa tal-midalja tad-deheb lil pajjiżhom.

 

L-Awstraljana Jessica Fox rebħet il-midalja tad-deheb fil-canoe slalom tan-nisa, u b’hekk żiedet fuq il-midalja tal-bronż li rebħet fil-kayak slalom aktar kmieni din il-ġimgħa. Il-Brittanika Mallory Franklin rebħet il-fidda filwaqt li l-Ġermaniża Andrea Herzog kellha tikkuntenta bil-bronż.

 

Fix-shooting range t’Asaka, l-Islovakka Zuzana Rehak Stefecekova rnexxielha tirbaħ il-midalja tad-deheb fit-tiratura Trap tan-nisa. L-Amerikana Kayle Browning rebħet il-fidda u Alessandra Perilli ta’ San Marino rebħet il-bronż. Din kienet l-ewwel darba li San Marino rebaħ midalja fl-Olimpjadi.

 

Fit-tennis, il-koppja Kroata Marin Cilic u Ivan Dodig għelbu lil Marcus Daniell u Michael Venus ta’ New Zealand f’żewġ sets.

Fil-kategorija tan-nisa, iċ-Ċeki Barbora Krejcikova u Katerina Siniakova għaddew sal-finali b’rebħa fuq il-koppja tal-Kumitat Olimpiku Russu Elens Vesnina u Veronika Kudermetova.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA