
KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20
Tarxien Rainbows…………….2
Ħamrun Spartans……………3
Ħamrun Spartans kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta f’logħba ferm sabiħa għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 3-2.
Ħamrun bdew mal-ewwel fuq l-offensiva u fis-seba’ minuta huma laqtu l-lasta b’xutt tajjeb ta’ Soufiane Lagzir.
L-attakkant Marokkin kien aktar ixxurtjat proprju mal-kwarta logħob meta wara kross ta’ Criaco, kien l-istess Lagzir li b’xutt fil-baxx għeleb lil Rudy Briffa.
Minkejja kollox, Tarxien Rainbows baqgħu kalmi u fis-19-il minuta ġabu l-iskor indaqs grazzi għal Thomas Veronese li b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ħasad lil Jean Claude Debattista.
Erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Ħamrun resqu viċin meta l-keeper Tarxiniż Rudy Briffa ħtieġlu jsalva f’żewġ tentattivi xuttijiet konsekuttivi ta’ Ailton Soares u Wilfried Domoraud.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet fi dro ta’ 1-1. Proprju waqt li l-plejers kienu deħlin fid-dressing room, ir-referi Daniel Portelli keċċa lid-difensur ta’ Tarxien Prince Mambouana u lill-gowlkiper ta’ riserva ta’ Ħamrun Manuel Bartolo wara xi diżgwid bejniethom.
Kif bdiet it-tieni taqsima Ħamrun ittantaw xortihom b’xutt ta’ Ailson Soares li mar ftit barra.
Fit-58 minuta, frikik ta’ Marco Criaco ta’ Ħamrun kien ċentrali b’Rudy Briffa jilqa’ tajjeb.
Minuta wara, Ħamrun reġgħu marru fil-vantaġġ meta kien kross preċiż ta’ Criaco li sab lil Wilfried Domoraud li mattar siequ u xeħet il-ballun fix-xibka.
Botta u risposta hekk kif Tarxien ġabu l-iskor indaqs fil-61 minuta meta wara kross mix-xellug, kien Aleksa Andreijic li xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fit-73 minuta, Ħamrun laqtu l-lasta għat-tielet darba b’xutt tajjeb ta’ Ailton Soares.
Fil-81 minuta, Ħamrun ingħataw penalty meta l-keeper Tarxiniż Rudy Briffa waqqa’ lil Wilfried Domoraud fil-kaxxa, bl-istess attakkant Franċiż jiskorja mill-ħdax-il metru.
Din kienet l-ewwel rebħa fil-kampjonat għall-Ispartans. B’kuntrast ir-Rainbows jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika meta għadhom iridu jiġbru l-ewwel punt tagħhom.
Riżultat Finali: Tarxien Rainbows 2 Ħamrun Spartans 3
BOV Plejer tal-Logħba kien Wilfried Domoraud ta’ Ħamrun Spartans.
Referi kien Daniel Portelli.