Donnarumma ma’ PSG ?

Tidher li ġejja fit-tmiemha s-saga dwar ma’ liema tim se jkun qed jilgħab il-gowlkeeper internazzjonali Taljan Gianluigi Donnarumma.

Fl-aħħar siegħat jidher li ntlaħaq ftehim biex il-gowlkeeper ex Milan jingħaqad mal-ġganti ta’ Franza Paris Saint-Germain bħala free transfer. Donnaruma kien ingħaqad ma’ Milan Youths fl-2014 u għamel id-debutt tiegħu mal-iskwadra ewlenija f’rebħa ta’ 2-1 li Milan kellhom kontra Sassuolo f’Ottubru tal-2015.

Wara li fit-tmiem tal-istaġun kien deher ċar li r-relazzjoni bejn Donnarumma u Milan waslet fit-tmiemha kienu bosta timijiet li wrew interess għall-gowlkeeper żagħżugħ ta’ 22 sena li qed jitqies bħala wieħed mill-aqwa tal-mument. Bosta kienu saħansitra rrapurtaw li Juventus xeħtu għajnejhom fuq Donnarumma biex ikun hu li jiddefendi l-iskwadra tal-kowċ ġdid Allegri fl-istaġun li ġej b’xi gurnalisti sportivi Taljani rrapurtaw ukoll li ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat.

Jidher li l-bieraħ kienet ġurnata fejn inbidel prattikament kollox bil-Franċiżi issa jidher li kważi ċerti li ser jkunu huma li jirbħu l-ħiliet ta’ din il-pedina importanti tant li fis-siegħat li jmiss Donnarumma se jiffirma għall-5 snin li ġejjin.

Jidher li P.S.G fit-tmexxija tal-President Al Khelaifi li ried akkost ta’ kollox jakkwista dat-talent offrew dan il-kuntratt għal total ta’ €60 miljun, b’kull staġun fil-but tal-gowlkeeper Taljan minbarra l-bonus se jidħlu €12-il miljun.

Ghalhekk kollox jidher li wara Euro2020 l-futur ta Gianluigi Donnaruma hu dak fil-belt Franciza ta Parigi ma Paris Saint German.

Miktub minn...
TVM Sport
.