Olimpijadi TOKYO 2020
Draw bejn il-Ġappun u l-Kanada, filwaqt li l-Olanda jagħtu 10 liż-Żambja u l-Awstraljani jegħlbu lil New Zealand

Futbol tan-Nisa

Ġiet fi tmiemha l-ewwel ġurnata ta’ logħob tal-gruppi tal-futbol tan-nisa.

Ġappun  1-1  Kanada

Fit-tieni logħba fi Grupp E, draw xi ftit jew wisq diżappuntanti għall-pajjiż ospitu, il-Ġappun, meta spiċċa 1-1 kontra l-Kanada. It-tfajliet Kanadiżi marru kmieni minn fuq permezz ta’ Sinclair wara biss 6 minuti u baqgħu hekk sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima l-Ġappuniżi kellhom ċans iġibu d-draw imma Tanaka falliet penalty, b’Iwabuchi ssalva punt għal pajjiżha b’gowl fl-84 minuta.

 

Żambja  3-10  Olanda

L-Olanda sparat fil-quċċata ta’ Grupp F wara li ħadu rebħa komda fuq iż-Żambja 10-3. It-tfajliet Olandiżi kienu diġà għamlu ċert mir-rebħa sa tmiem l-ewwel taqsima meta kienu 6-1 minn fuq.

Miedema skorjat 4 mill-gowls tal-Olanda, fid-9, 15, 29 u 59 minuta. Doppjetta għal Martens bil-gowls jaslu fl-14 u t-38 minuta. Il-bqija tal-gowls waslu minn van de Sanden, Roord, Beerensteyn u Pelova.

Għaż-Żambja hat-trick ta’ Banda li skorjat wieħed fl-ewwel taqsima u żiedet tnejn oħra fl-aħħar minuti tal-logħba. Il-gowls skurjathom fid-19, 82 u 83 minuta.

 

Awstralja  2-1  New Zealand

Fi Grupp G l-Awstraljani għamlu bħall-Iżvediżi meta rebħu l-ewwel logħba. New Zealand spiċċaw fuq in-naħa telliefa wara li żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed biex l-Awstraljani jieħdu t-tliet punti.

Yallop fl-20 minuta u Kerr fit-33 minuta skurjaw il-gowls għall-Awstralja u dehru li ser jibqgħu hekk sat-tmiem, sakemm Rennie naqqset id-distakk għal New Zealand mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA