Futbol lokali
FILMAT: Draw bejn Senglea u Ħamrun f’logħba movimentata

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

Senglea A…….2

Ħamrun S……2

Senglea u Ħamrun ħadu punt kull wieħed meta fil-Hibernians Stadium spiċċaw fi dro ta’ 2-2. Ħamrun kellhom jiġu darbtejn minn taħt biex għallinqas ħadu punt li jistgħu jqisuh bħala aħjar mix-xejn fil-ġlieda tagħhom għal post fl-Ewropa, filwaqt li għal Senglea dan kien punt importanti sabiex jevitaw il-post tal-play-off.

L-Ispartans kienu ġejjin għal dan il-konfront minn tliet logħbiet li fihom dejjem rebħu l-punti. Dro ma’ Hibernians u rebħiet kontra Birkirkara u Qormi taw 7 punti minn possibilment 9 lill-Ħamrun. L-aħħar tliet logħbiet għal Senglea kienu taħlita ta’ riżultati, b’telfa kontra Gżira United, rebħa kontra St Andrews u dro fl-aħħar ħarġa kontra Tarxien Rainbows.

Fl-ewwel rawnd Ħamrun Spartans kienu għelbu lis-Senglea Athletic bl-iskor ta’ 1-0.

Sal-ewwel 9 minuti l-Ħamrun kellhom żewġ għajtiet għall-penalty, fejn fl-azzjonijiet tas-sitt u d-disa’ minuta l-plejers u l-partitarji tal-Ispartans għajtu għal handsball fil-kaxxa imma r-referi Darryl Agius ħalla l-logħob għaddej. Fis-17-il minuta Calil ittanta xutt b’saħħtu lejn il-lasta imma Farrugia kien attent u tajjar f’corner. Mad-19-il minuta kien imiss lil Camilleri ta’ Senglea li prova għal ġewwa wara corner imma Bartolo salva tajjeb. Mat-32 minuta Senglea marru fil-vantaġġ. Kien kontrattakk veloċi ħafna, b’Leighton Grech jirċievi l-ballun u fuq il-ġirja daħal quddiem Bartolo u spara ġewwa għal 1-0. Tnejn u erbgħin minuta u l-Ispartans ħabtilhom il-ballun mal-wieqfa meta mill-cross ta’ Criaco, Tulimieri pprova jikkonkludi minn qagħda angolata imma sab il-lasta timpedieh milli jagħmel dan. Żewġ minuti wara Tulimieri sab il-mimduda fit-triq tal-ballun li kien jidher destinat għal ġewwa wara li rnexxielu jdur ma’ 3 difensuri imma x-xutt finali ma wasalx fejn xtaq it-Taljan.

Fil-51 minuta Ħamrun kellhom ċans ieħor imdawwar f’corner meta Criaco tefa’ kross iżda l-konklużjoni ta’ Tulimieri kienet imdawra f’corner minn Farrugia. Mill-corner ta’ Caruana, Kevin Tulimieri għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras fir-rokna tax-xibka għamilhom 1-1. Reazzjoni minn Senglea wara li tilfu l-vantaġġ u mat-62 minuta reġgħu marru fuq quddiem meta l-kross ta’ Grech sab lil Taisei Marukawa waħdu li wara li ċċentra xi ftit venven xutt angolat fix-xibka u għeleb lil Bartolo għal 2-1. Ħamrun Spartans b’reazjoni min-naħa tagħhom fis-67 minuta meta Tulimieri dar ma’ żewġ difensuri fil-kaxxa imma x-xutt tiegħu kien imblukkat minn Farrugia. U l-mimduda tal-Isla reġgħet kienet strumentali fis-70 minuta meta mill-korner ta’ Caruana, id-daqqa ta’ ras ta’ Pepe messet magħha u l-ballun baqa’ sejjer barra. Mad-79 minuta Ħamrun reġgħu ġabu l-gowl tad-dro. Kien il-freekick għal Ħamrun, il-ballun finalment wasal għand Carlos Henneberg li għeleb lil Farrugia biex għamilhom 2-2. Mat-82 minuta Ħamrun pruvaw imorru għall-ewwel darba minn fuq mill-freekick ta’ Caruana, iżda Bartolo ħareġ itajjar il-periklu. Mad-90 minuta Senglea jispiċċaw jilagħbu bi plejer inqas meta Augusto Caseres dabbar it-tieni karta safra u spiċċa mkeċċi.

Riżultat finali: Senglea A. 2  Ħamrun S. 2

Referee: Darryl Agius

BOV Plejer tal-Logħba: Leighton Grech ta’ Senglea A.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.