Euro2020
Euro 2020 Grupp A – Draw ta’ 1-1 bejn Wales u l-Iżvizzera

Euro 2020 Grupp A

Wales  1-1  Żvizzera

Draw ta’ 1-1 bejn Wales u l-Iżvizzera fl-ewwel logħba ta’ Grupp A għalihom, b’Embolo u Moore jiskurjaw is-sitt gowl tagħhom internazzjonali ma’ pajjiżhom. Dan ir-riżultat iżomm lit-Turkija viċin dawn iż-żewġ timijiet, għax wara t-telfa tal-bieraħ filgħaxija kontra l-Italja, it-Torok jinsabu punt wieħed biss wara t-tnejn ta’ qabilhom. L-Italja l-ewwel fil-grupp bi 3 punti.

Għalkemm Wales kellhom bidu xi ftit aħjar mill-avversarji, l-Iżvizzeri ma damux biex ġew f’tagħhom u bdew jieħdu kontroll tal-logħba bil-mod il-mod. Fl-20 minuta l-goalkeeper Ward ta’ Wales kellu jkun attent biex itajjar il-ballun wara t-takkuna ta’ Schar. Fil-41 minuta Seferovic ittanta xutt lejn il-lasti ta’ Ward li iżda għadda għoli, u mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari l-istess plejer reġa’ tefa’ barra minn pożizzjoni ideali u l-ewwel taqsima għalqet 0-0.

L-Iżvizzeri fetħu t-tieni taqsima l-istess kif spiċċaw l-ewwel waħda, meta fid-49 minuta Ward kellu jtajjar fuq ix-xutt t’Embolo. Imma ftit tas-sekondi wara l-istess goalkeeper seta’ biss jiġbor il-ballun mix-xibka meta l-cross ta’ Shaqiri sab lil Breel Embolo li b’daqqa ta’ ras tajba tefa’ ġewwa għal 1-0.

Bir-riħ fil-qala l-Iżvizzeri ppressaw għat-tieni u fit-52 minuta Mbabu falla ċans tad-deheb milli jerġa’ jitfa’ fix-xibka wara li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet barra. Aktar kemm l-Iżvizzeri bdew ifittxu t-tieni gowl, aktar il-plejers ta’ Wales bdew isibu l-ispazji u bil-mod il-mod bdew jieħdu kontroll tal-logħba.

Fl-74 minuta wasal il-gowl tad-draw. Minn corner qasir kien Morrell li tefa’ cross insidjuż, b’Kieffer Moore bir-ras jitfa’ fix-xibka għal 1-1.

Mal-gowl tad-draw, l-Iżvizzeri nħasdu u bdew jagħmlu minn kollox biex jerġgħu jiksbu l-vantaġġ u ħasbu li għamlu hekk fil-85 minuta meta Gavranovic sab ix-xibka imma l-gowl ġie ikkanċellat bil-VAR. Fid-90 minuta Ward għal darb’oħra providenzjali meta tajjar id-daqqa ta’ ras t’Embolo minn corner.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referee mill-Federazzjoni Franċiża Clement Turpin.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.