Motorsport
Duncan Micallef se jieqaf ftit mid-Drag Racing, mistenni jikkompeti f’Kampjonat ieħor tal-FIA

Ir-Rebbieħ tal-Unur tal-Isportiv tas-Sena Duncan Micallef li kien rebaħ il-kampjonat Ewropew tad-Drag Racing Top Fuel tas-sena 2017 se jkun qed jieqaf momentarjament minn din id-dixxiplina.

Micallef ħabbar dan iktar kmieni llum meta waqt it-tnedija tal-Malta Classic 2018 hu ħabbar li qed jippjana li jirreġistra u jikkompeti fil-FIA Masters Historic Sports Car, kampjonat li hu bbażat fuq xejn inqas minn tmien tlielaq li jsiru fuq ċirkwieti internazzjonali bħal dak ta’ Imola, Silverstone, Nuburgring u Spa Francochamps fost oħrajn.

F’Kumment lil TVM Sport Micallef tenna li hu qed jippjana li jirreġistra għal dan il-kampjonat tas-sena 2019 u l-pjan hu li jieħu sehem f’żewġ Grand Prix jew tlieta sabiex mis-sena ta’ wara jipprova jikkompetu tul-kampjonat kollu.

“Din hi strateġija li naħseb tista’ twassallni sabiex nkun kompettitiv f’dan il-kampjonat ġdid. Meta kont fid-Drag Racing kelli pjan u budget fuq medda ta’ snin billi bdejt nikkompeti f’aktar events sena wara sena, l-istess hawn fil-Masters Historic Sports Car nixtieq li nibda bil-mod fuq pjan ta’ ħames snin’ temm jgħid Micallef.

Meta mistoqsi x’tip ta’ vettura se jsuq hu qal li għadu qed jipprova jinvesti f’vettura kompettitiva u meta jkun il-waqt iħabbar aktar dettalji. Il-Vetturi f’dan il-kampjonat Grupp 4 iridu jkunu manifatturati bejn l-1962 u l-1974.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.