Futbol internazzjonali
Edinson Cavani investigat mill-FA Ingliża dwar kumment fuq Instagram

L-FA Ingliża qiegħda tinvestiga kumment li kien mgħoddi mill-attakkant ta’ Manchester United Edinson Cavani, li iżda kien imħassar mill-midja soċjali ftit tal-minuti wara. L-Urugwajan ta’ 33 sena kien qiegħed iwieġeb kummenti t’awgurju wara r-rebħa li Manchester United ħadu fuq Southampton, meta r-Red Devils ġew minn żewġ gowls minn taħt biex dawru l-logħba. Cavani kien strumentali fir-rebħa ta’ Manchester United meta skorja żewġ gowls u pprovda l-assist għal gowl ieħor. F’risposta għal awgurju partikolari, Cavani wieġeb bil-frażi: “Gracias negrito.”

Jidher li sa ftit tal-ħin wara Cavani neħħa l-kumment li kiteb, imma laħqet inġibdet l-attenzjoni tal-FA Ingliża li bħalissa qed tiddetermina jekk il-kumment kienx dispreġjattiv, diskriminatorju u razzist. Jekk kemm-il darba jinstab ħati, Cavani jista’ jeħel minimu ta’ tliet logħbiet sospensjoni.

Dan il-każ huwa eku ta’ każ ieħor simili li seħħ fl-2011 fil-logħba bejn Liverpool u Manchester United. Dakinhar, id-difensur Franċiż Patrice Evra kien allega li l-attakkant Urugwajan Luis Suarez għajru “negrito” waqt il-logħba, kumment li Evra ħass li kien razzist. Mill-investigazzjoni tal-FA Ingliża, Suarez kien weħel sospensjoni ta’ tmien logħbiet, biss din id-darba s-sitwazzjoni hija totalment differenti u wieħed irid jistenna x’ser ikun l-eżitu u d-deċiżjoni tal-FA.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA