Futbol internazzjonali
Eku mid-derby ta’ Manchester tal-Ħadd li għadda

Fid-derby ta’ Manchester il-Ħadd li għadda, kienu ħafna li tkellmu dwar kif il-maniġer Pep Guardiola beda b’seba’ plejers li xtara hu stess kemm ilu mal-klabb, filwaqt li Jose Mourinho għażel biss żewġ plejers minn dawk li xtara hu. Sa ċertu punt, l-għażla tal-ewwel ħdax-il plejer fuq kull naħa fid-derby tal-Ħadd, kompliet tikkonferma l-għidut li huwa maniġer wieħed biss f’Manchester li jista’ jagħżel il-plejers li jrid, għaliex il-maniġer l-ieħor jinsab b’idejh marbuta.

Filwaqt li Guardiola għandu s-sapport tat-tmexxija tat-tim tas-City, mhux l-istess jista’ jingħad għal Mourinho, li d-differenza fl-opinjoni ma’ Ed Woodward ħarġet fil-beraħ aktar minn darba, bit-tim ta’ Manchester City jirnexxilhom jonfqu madwar €172 miljun aktar minn Manchester United kemm ilhom hemm dawn iż-żewġ maniġers.

Biss is-suċċess ta’ Manchester City ma jistax jitqies biss li qiegħed jiġi minħabba l-flus, għalkemm dawn qegħdin jilagħbu parti importanti. Is-sajf li għadda ma kienx wieħed faċli għaċ-ċilesti ta’ Manchester, għaliex huma kellhom f’moħħhom li jakkwistaw tliet plejers, lil Jorginho, Alexis Sanchez u Fred, imma filwaqt li l-ewwel wieħed iddeċieda li jmur Londra u ngħaqad ma’ Chelsea, it-tnejn l-oħra xorta marru Manchester, imma fuq in-naħa l-oħra, f’Old Trafford.

Qabel is-sajf ħafna kienu qegħdin jgħidu li la s-City għandhom il-flus, allura jieħdu lil min iridu, imma kieku dan kien minnu, kieku Riyad Mahrez ma kienx ikun qiegħed jilgħab bil-flokk ċilesti l-Ħadd li għadda. Imma għalkemm ġie jiswihom inqas milli Sanchez ġie jiswa lill-Manchester United, Mahrez kien mgħajjat mal-ewwel ħdax, filwaqt li Sanchez beda l-logħba fuq il-bank. Skont Mourinho, f’Jannar li għadda, Sanchez kien wieħed mill-aqwa attakkanti tad-dinja, imma kemm hu, kif ukoll l-attakkant Fred spiċċaw fuq il-bank, Bailly lanqas biss kien mgħajjat mat-tmintax. Ir-ritorn ta’ Romelu Lukaku donnu kien aktar applawdit mill-partitarji tas-City milli tal-United, u dan minħabba n-nuqqas ta’ gowls li qiegħed jiskurja l-Belġjan.

F’kummenti li Guardiola ta wara li Manchester City rebħu d-derby bl-iskor ta’ 3-1 u b’hekk reġgħu rritornaw fil-quċċata tal-klassifika, “jekk hemm min irid jgħid li t-tim tagħna huwa mdawwar biss bil-flus, jistgħu jgħidu hekk kemm iridu, imma dik il-perspettiva hija ħażina għal kollox.”

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Fi Stadio Wanda Metropolitano, li fl-1 ta’ Ġunju se jospita l-finali taċ-Champions League, Atletico Madrid għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 2-0. Neqsin għaċ-champions Taljani l-plejers Juan Cuadrado li ilu barra…

Futbol internazzjonali

Paul, partitarju ta’ Liverpool, spjega dan l-inċident stramb u farsesk li għadda minnu lbieraħ fuq stazzjon tat-televiżjoni Ġermaniż, li minħabba fih tilef il-partita f’Anfield kontra Bayern Munich, minħabba li skont…

Futbol internazzjonali

Sami Khedira, il-plejer ta’ Juventus FC u tat-tim nazzjonali tal-Ġermanja, għamel operazzjoni f’qalbu u se jdum barra mil-logħob għal erba’ jew ħames ġimgħat. L-aħbar ħarġet ilbieraħ u kienet waħda li…

Futbol internazzjonali

Illum jidħlu fl-azzjoni l-aħħar timijiet li jiffurmaw il-grupp tal-aħħar sittax tal-Uefa Champions League. Fil-Wanda Metropolitano Stadium, l-istess post li fih fl-1 t’ Ġunju ser tintlagħab il-finali, illejla Atletico Madrid jospitaw…

Aktar