Formula 1
Eku tal-inċident ta’ Romain Grosjean tal-Ħadd li għadda

It-tabib tal-Formula 1 Ian Roberts qal li s-sewwieq Romain Grosjean qiegħed jirkupra tajjeb fl-isptar minn fejn mistenni jkun rilaxxat matul il-ġurnata tat-Tlieta. Roberts qal li fi ftit sekondi wara l-inċident huwa kien fuq il-post u beża’ sakemm ra lil Grosjean ħiereġ min-nirien, f’xena li ddeskrivieha qiesha ta’ Hollywood. Grosjean irnexxielu jinqala’ mill-karozza Haas wara impatt qawwi li qasam il-vettura min-nofs, bil-Franċiż joħroġ min-nirien fi ftit sekondi u kien mgħejjun mit-tabib Roberts sabiex jaqbeż il-barrikati taċ-ċirkwit.

F’kummenti li ta lil Reuters, Ian Roberts faħħar il-miżuri tas-sigurtà li ttieħdu mill-FIA matul is-snin, u qal li dawn kienu li żammew lil Grosjean ħaj. Skont Roberts, għalkemm il-halo lagħbet parti importantissima fis-sigurtà ta’ Grosjean, kien hemm anke l-miżuri l-oħra kollha fil-karozza li għenu sabiex il-Fraċniż joħroġ qawwi u sħiħ.

Żgur li dawk li kienu qed isegwu l-Grand Prix ta’ Sakhir il-Ħadd li għadda, waqfu għal ftit sekondi u żammew nifishom sakemm Grosjean deher ħiereġ mill-ballun tan-nar. L-aħħar fatalità seħħet is-sena li għaddiet fil-Formula 2 meta s-sewwieq Anthoine Hubert tilef ħajtu fil-Grand Prix tal-Belġju. Hubert kien l-ewwel sewwieq li tilef ħajtu sa mill-1994, meta dakinhar kienu tilfu ħajjithom Ayrton Senna u Roland Ratzenberger fil-Grand Prix ta’ San Marino fl-istess tmiem il-ġimgħa. Kien hemm sewwieq ieħor li tilef ħajtu konsegwenza t’inċident waqt tellieqa, Jules Bianchi, li weġġa’ fil-Grand Prix tal-Ġappun f’Ottubru 2014, imma miet f’Lulju tas-sena wara bil-konsegwenzi ta’ dak l-inċident.

Kien fl-2018 meta l-FIA ddeċidiet li tintroduċi l-halo, deċiżjoni li kienet pjuttost kontroversjali tant li diversi sewwieqa ma qablux magħha, fosthom Grosjean. Żgur li wara l-inċident tal-Ħadd li għadda kulħadd ta raġun lill-FIA, fosthom is-sewwieq Franċiż li fl-ewwel kummenti li għadda mill-isptar qal li mnalla kienet il-halo li żammitu ħaj. Għal Romain Grosjean dan huwa l-istaġun ta’ qabel tal-aħħar għaliex huwa mistenni li jirtira s-sena d-dieħla meta jkollu 35 sena. Apparti l-halo mal-karozza, is-sewwieqa jkunu liebsa lbies protettiv kontra n-nirien, u dan kien fattur ieħor li għen lil Grosjean sabiex joħroġ mill-karozza mingħajr ma jsofri ħafn’aktar ħruq ma’ ġismu kollu.

F’kull Grand Prix li ssir, mat-tluq tal-karozzi dejjem ikun hemm il-karozza medika misjuqa mill-ex sewwieq Alan van der Merwe u t-tabib Ian Roberts ikun il-passiġġier. Din il-karozza ssegwi l-karozzi fl-ewwel ftit dawriet tat-tellieqa, fl-aktar mument meqjus perikoluż meta jkollok numru kbir ta’ karozzi maġenb xulxin. Kemm is-sewwieq u anke t-tabib qalu li l-ebda taħriġ ma jippreparak għal xi ħaġa simili tal-Ħadd li għadda. Skont is-sewwieq mill-Afrika t’Isfel li għandu esperjenza tal-Formula 1, diġà kien miraklu li Grosjean ma kiser imkien wara impatt qawwi tant li l-karozza nqasmet min-nofs, aħseb u ara li ħareġ mill-ballun tan-nar bi ftit ħruq f’idejh. Skont van der Merwe, f’inċident simili wieħed jistenna li s-sewwieq jintilef minn sensieh, jew inkella li ma jirrispondiex fiżikament għal ftit tal-ħin, u allura ċertament li kien miraklu li Grosjean inqala’ mill-karozza bla għajnuna. Van der Merwe qal li dawk il-mumenti jkunu analitiċi, fejn tinsa’ l-emozzjoni u l-ewwel ħsieb li jkollok hu li ssalva lis-sewwieq u faħħar lit-tabib Ian Roberts li wasal sa ħdejn il-barrikati biex jgħin lis-sewwieq Franċiż.

Is-sewwieq ta’ riserva Brażiljan tal-Haas Pietro Fittipaldi ser ikun qed jieħu post Romain Grosjean fil-Grand Prix tal-Ħadd li ġej li ser jerġa’ jsir fil-Bahrain. Dan ser ikun id-debutt fil-Formula 1 għal Fittipaldi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA