Futbol lokali
Eku tal-inċident tas-Sibt li għadda – l-MFRA b’direttivi ebsin

Ġurnata wara dak li seħħ fil-logħba tat-Tieni Diviżjoni bejn Sannat Lions u Oratory Youths, il-Malta Football Referees Association ħarġet direttivi ebsin fil-konfront tal-plejer Antoine Camilleri, il-partitarji u l-iskwadra ta’ Sannat Lions. L-MFRA kienet kritika għal dak li seħħ anke fil-Qorti Għawdxija meta l-plejer Camilleri ngħata multa ta’ €100 u sospensjoni ta’ sena mill-futbol. Fl-istqarrija u d-direttivi tagħha, l-MFRA qiegħda tittama li l-Bord tad-Dixxiplina tal-MFA jkun aktar iebes mal-plejer, bil-każ mistenni jinstema’ nhar l-Erbgħa li ġej. L-istqarrija u d-direttivi tal-MFRA huma s-segwenti:

Direttivi mill-Malta Football Referees Association wara l-attakk tal-bieraħ f’Għawdex

Il-Malta Football Referees Association tibda billi tirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Malta Football Association tal-istqarrija u tas-sapport tagħhom f’dawn l-aħħar sigħat.

L-MFRA temmen illi l-bord tad-dixxiplina tal-MFA ser tagħmel dak illi l-Qorti ta’ Għawdex m’għamlitx, iġifieri li tagħti sospensjoni denja lil Antonie Camilleri u kif, fuq kollox, huwa xieraq.

Madanakollu, il-kumitat tal-MFRA qiegħed jordna lill-membri kollha tiegħu, li jammontaw għal kważi mija fil-mija tal-uffiċjali attivi ta’ pajjiżna, sabiex qatt ma’ jaċċettaw, u għaldaqstant jirreffjaw logħob illi fihom ikun jista’ jilgħab Antoine Camilleri ġaladarba s-sospensjoni tiegħu tiġi fi tmiemha.

L-imġieba ta’ uħud mill-partitarji ta’ Sannat Lions FC waqt dan l-attakk viljakk u vjolenti, fejn dehru jwaddbu l-birra u jobżqu lill-assistent referee waqt li kien mimdud fl-art wara li ġie aggredit minn Antoine Camilleri, hija waħda inaċċettabli. Sa sigħat wara dan l-attakk, l-uffiċjali tal-logħba kienu għadhom qed jirċievu messaġġi ta’ theddid fuq il-midja soċjali.

Għaldaqstant, u fuq kollox b’turija ta’ solidarjetà mal-uffiċjali ta’ din il-logħba, il-kumitat tal-MFRA qiegħed jordna lill-membri kollha tiegħu biex ma jaċċettawx logħob illi fihom ikunu ser jilagħbu kwalunkwè skwadra ta’ Sannat Lions FC b’effett immedjat.

Dawn id-direttivi jibqgħu fis-seħħ sakemm toħroġ kontro-direttiva. Intant, l-MFRA tistenna b’ħerqa deċiżjonijiet dixxiplinarji mill-MFA, mill-Gozo Football Association u minn Sannat Lions FC.

Il-messaġġ tal-MFRA huwa wieħed ċar. Kwalunkwè attakk fuq wieħed minna, ikun min ikun ir-referee, irrelevanti mil-liema livell dan ikun ġej, huwa attakk fuq kull wieħed u waħda minna.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Sirens ippreżentaw lill-attakkant Wilfried Domoraud, li ngħaqad magħhom mingħand Gzira United. Il-Franċiż kien inġieb f’pajjiżna minn Hamrun Spartans u kien jagħmel parti mill-iskwadra mmexxija minn Giovanni Tedesco. Sirens akkwistaw ukoll…

Futbol lokali

Floriana FC, iċ-champions tal-futbol Malti, ittellgħu biex jilagħbu kontra t-tim popolari Rumen CFR Cluj, fl-ewwel rawnd tal-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League tal-istaġun li jmiss. Il-partita se tkun qed tintlagħab f’Malta ftit…

Futbol lokali

Futbol lokali: il-bieraħ logħba ta’ ħbiberija bejn Gżira United u Vittoriosa Stars li ntlagħbet fil-Victor Tedesco Stadium. Rebħa ta’ 4-0 għal Gżira United bil-goals għal Maroons skorjati minn: Jefferson li…

Aktar