Futbol internazzjonali
Eku tal-każ Bob Higgins: rapport ġdid mill-club ta’ Southampton dil-ġimgħa
L-ex coach tal-futbol ħati t'abbużi sesswali fuq players żgħażagħ kien ukoll impjegat mal-MFA fis-snin 90

Il-club tal-Premier League Ingliż Southampton dil-ġimgħa se jippubblika rendikont storiku tal-abbużi sesswali mwettqa mill-ex coach tagħhom Bob Higgins bejn l-1971 u l-1996.

Higgins kien intbagħat 24 sena ħabs fl-2019 wara li nstab ħati t’abbużi fuq mill-inqas 24 player żagħżugħ fuq perjodu ta’ ħamsa w għoxrin sena, l-iktar mal-clubs ta’ Southampton u Peterborough Utd fl-Ingilterra.

Bob Higgins, illum ta’ 68 sena, kien Youth Development Officer mal-Malta Football Association kmieni fis-snin 90. Huwa kien ġie sospiż mill-kariga meta ħarġu l-ewwel akkużi kontrih fl-1990, imma reġa tqabbad fuq probation meta ġie lliberat fuq nuqqas ta’ provi, sakemm telaq fl-1994. L-MFA dejjem sostniet li ma kinitx konxja ta’ mġieba hażina minn Higgins kemm dam Malta, u li dak iż-żmien ma kinitx infurmata mill-FA Ingliża dwar l-akkużi kontrih.

Southampton illum ħabbru li rapport li l-club ikkummissjona f’Settembru 2019 issa tlesta u se jkun ippubblikat sħiħ nhar il-Ġimgħa li ġej.

Vittmi tal-abbuż se jitħallew jaraw ir-rapport minn qabel. Wara li Higgins instab ħati, Southampton kienu ħarġu apoloġija bla riservi lill-vittmi u l-qraba tagħhom.

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.