Olimpijadi TOKYO 2020
Eleanor Bezzina tispiċċa fis-17-il post minn 44 tiratriċi fl-Isparar Preċiż fuq distanza ta’ 25m

Aktar kmieni dalgħodu, fix-Shooting Range t’Asaka, it-tiratriċi Maltija Eleanor Bezzina kienet involuta fl-Isparar Preċiż fuq distanza ta’ 25 metru. Hija kienet fost 44 kompetittriċi oħra li ħadu sehem u temmet fis-17-il post.

L-isparaturi tagħha kienu 96, 96 u 97, għal skor totali ta’ 289.

L-ewwel tmien tiraturi għaddew għall-finali, bis-Serba Zorana Arunovic tirbaħ il-kompetizzjoni tal-lum b’296 punt. It-tmien tiratriċi li għaddiet kienet Viktoria Chaika tal-Belarus li ġabet 291 punt.

Eleanor Bezzina tkun għall-aħħar darba fl-azzjoni għada filgħodu meta tikkompeti fl-Isparar Rapidu minn distanza ta’ 25 metru. Hija ser tkun qed tikkompeti fis-02:00 (ħin ta’ Malta).

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA