Ċikliżmu
Elia Viviani ser jirritorna m’Ineos Grenadiers b’kuntratt ta’ tliet snin

Iċ-ċiklist Taljan Elia Viviani ser jingħaqad m’Ineos Grenadiers is-sena d-dieħla. Bħalissa Viviani jtellaq ma’ Cofidis, imma skont il-Gazzetta dello Sport, iċ-ċiklist ta’ 32 sena ser jiffirma tliet snin kuntratt mat-tim Brittaniku.

Jidher li Elia Viviani kien ser jingħaqad m’Astana, imma Ineos Grenadiers daħlu fl-aħħar minuta għalih, u bl-għajnuna tal-kompatrijott Filippo Ganna, Viviani kkonvinċa ruħu li aħjar jingħaqad mat-tim Brittaniku. Jekk kemm-il darba Viviani jiffirma l-kuntratt ta’ tliet snin kif qed tgħid il-Gazzetta dello Sport, allura hu u Ganna jkunu jistgħu jikkompetu flimkien fl-Olimpjadi ta’ Pariġi.

Jidher li s’issa Ineos Grenadiers ma jridux jikkummentaw fuq din l-aħbar, imma ħafna kritiċi taċ-ċikliżmu qed jgħidu li l-kuntratt ser jiffirmah fil-jiem li ġejjin.

Elia Viviani rebaħ id-deheb fl-Olimpajdi ta’ Rio fl-2016, fil-kategorija Omnium, biss f’Tokjo kellu jikkuntenta bil-bronż. It-tama ta’ Viviani hi li jirbaħ midalja oħra fl-Olimpjadi ta’ Pariġi tliet snin oħra.

Fis-sentejn li ilu ma’ Cofidis, Viviani naqqas ħafna. Rebaħ xi stadji ‘l hemm u ‘l hawn u l-moral niżillu ħafna. Biss Viviani huwa ċiklist tajjeb, meta wieħed iqis li rebaħ 29 tellieqa bejn l-2018 u l-2019 meta kien itellaq ma’ Deceuninck-QuickStep. Fis-sentejn ta’ qabel (2015-2017) Viviani kien itellaq ma’ Team Sky, u issa li ser jirritorna, huwa mistenni li jkun l-isprinter tat-tim u parti mill-iskwadra klassika.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA