Futbol lokali
ESKLUSSIVA: Il-lasti tas-Centenary Stadium issegati bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa

Sewwa jgħidu, fil-logħba tal-futbol tistenna kollox. Iżda dak li ġara fis-Centenary Stadium fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, ma jitwemminx u żgur li ħadd ma stennih.

Sorsi ta’ TVMSport mill-Malta Football Association ikkonfermaw magħna informazzjoni sensittiva li waslitilna fis-sigħat li għaddew, li indiviwu jew individwi daħlu fis-Centenary Stadium u ssegaw iż-żewġ lasti l-wieqfa ta’ kull naħa tal-pitch.

Sorsi ta’ TVMSport ikkonfermaw b’ċertezza li dan l-att vandalu nduna bih l-impjegat tas-Centenary Stadium li kull filgħodu kmieni jkun preżenti jnaddaf kullimkien u jara li kollox ikun f’postu għall-partiti li jkun imiss.

Iżda dak li sab quddiemu kmieni l-Ġimgħa filgħodu, ġiegħlu jmur jaħsel wiċċu għal darba u darbtejn biex ikun ċert li mhux qed joħlom u li kien verament qam mis-sodda u mar għax-xogħol.

Is-sorsi tagħna komplew jikkonfermaw ma’ TVMSport li l-istess impjegat ċempel minnufih lill-uffiċjali tal-MFA biex jinfurmahom dwar dak li kien ġara u li min-naħa tagħhom marru fuq il-post wara ftit ħin.

Il-cameras li għandha l-MFA fil-madwar tas-Centenary Stadium qed jagħtu ċertezza li dawk responsabbli minn dan l-inċident daħlu min-naħa tat-trakka tal-motorsport li hemm biswiet l-istadium, ħarġu fil-pitch, issegaw l-erba’ lasti ’l wieqfa u reġgħu qabżu lejn in-naħa tat-trakka u ma dehrux aktar. Mill-filmati tal-cameras tal-madwar fl-istadium, jista’ jkun li wieħed minn dawk responsabbli minn dan l-att, deher anki jxejjer waħda mill-bnadar tal-corner biex jiżżufjetta b’dan l-att iżda b’xorti tajba għal kulħadd, reġa’ poġġiha f’postha qabel reġa’ qabeż lura ċ-ċint li hemm jifred mit-trakka għall-pitch tas-Centenary Stadium.

Sorsi ta’ TVMSport ikkonfermaw li mal-ġurnata tal-Ġimgħa, lejn in-naħat tas-Centenary Stadium kien hemm paniku u teatrini kbar, minħabba l-fatt li kellhom jinġiebu żewġ lasti ġodda, jitqiegħdu f’posthom, jitkejlu mill-ġdid, jintramaw ix-xbieki u biex jaraw li jkunu sodi biżżejjed u mhux ta’ periklu għas-saħħa tal-plejers waqt il-partita. Fuq l-operazzjoni tal-lasti kienu nvoluti mal-20 persuna.

Madankollu, bejn rabja kbira u daħk ma jaqtgħax, kollox reġa’ lura f’postu u fil-ħin biex ilbieraħ filgħaxija setgħu jintlagħbu ż-żewġ partiti mill-Kampjonat BOV Premier.

TVMSport infurmat ukoll li l-MFA infurmat lill-Pulizija dwar dan il-każ li min-naħa tagħha marret fuq il-post u bdiet tinvestiga dak li seta’ ġara.

L-MFA mhux teskludi li dan seta’ kien każ ta’ sabutaġġ fuqha biex ma tintlagħabx jew ma jintlagħbux xi partiti li huma skedati f’dawn il-jiem fis-Centenary Stadium.

Miktub minn...
TVM Sport