Futbol internazzjonali
ESKLUSSIVA: Il-President tal-FIFA u tal-UEFA f’Malta f’Ġunju li ġej

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, u l-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, se jkunu f’Malta f’Ġunju li ġej.

L-aħbar tefa’ dawl fuqha l-President tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo, fil-programm OFFSIDE tat-Tnejn li għadda fuq TVM2.

Vassallo qal li l-Assoċjazzjoni stiednet liż-żewġ Presidenti li jmexxu l-futbol dinji u Ewropew u li min-naħa tagħhom diġà kkonfermaw verbalment li se jkunu qed jaċċettaw l-istedina.

Minkejja li l-Assoċjazzjoni Maltija għad trid tagħmel l-istedina uffiċjali bil-miktub, sorsi għolja fl-MFA kkonfermaw magħna li Infantino u Ceferin se jiġu f’pajjiżna.

Huma mistennija jdumu massimu ta’ jumejn u minkejja li għad m’hemmx dati uffiċjali, TVMSport jista’ jikkonferma li din iż-żjara se tkun qed issir fl-ewwel jiem tax-xahar.

Iż-żjara se ssir biex l-MFA tiċċelebra l-120 sena mit-twaqqif tagħha u fl-istess żmien li jkunu hawn, jiftħu uffiċjalment il-mużew tal-MFA fit-tieni sular tal-Millennium Stand, f’Ta’ Qali.

Infantino u Ceferin kellhom jiġu f’pajjiżna s-sena li għaddiet minħabba dawn iż-żewġ okkażjonijiet, liema żjara tagħhom kienet ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Gianni Infantino hu ħabib intimu tal-President tal-MFA.

Hu kien inħatar President tal-FIFA u Vassallo kien wieħed minn dawk li ħadem bla waqfien biex ġablu voti minn Federazzjonijiet madwar id-dinja li kienu eleġġewh bħalha l-aktar persuna tas-saħħa fil-futbol dinji.

Bjorn Vassallo ħadem ukoll fil-FIFA fil-kariga ta’ Direttur ma’ Gianni Infantino meta sar President.

Hu kien irriżenja mill-kariga meta nħatar President tal-MFA f’Lulju tal-2019.

Miktub minn...
TVM Sport