Futbol lokali
ESKLUSSIVA: L-MFA bi pjan biex l-istaġun tal-futbol 2020/21 jibda f’Ottubru minflok f’Awwissu

Id-dibattitu dwar meta u kif jista’ jirritorna l-futbol beda ġmielu u dan wara li fil-jiem li għaddew, TVMSport żvela li l-MFA se tiddeċiedi x’se jsir mill-Kampjonat BOV Premier, it-Tnejn li ġej, 18 ta’ Mejju. Ftit tal-ħin wara, l-MFA ikkonfermat din id-data.

TVMSport jista’ jikkonferma aħbar oħra li l-MFA bdiet taħdem fuqha fl-aħħar sigħat, dik dwar pjan biex l-istaġun tal-futbol 2020/21 jibda f’Ottubru minflok f’Awwissu, kif normalment isir dejjem f’Malta. Għad mhux magħruf jekk dan il-bdil fil-kalendarju tal-futbol Malti hux se jsir biss għall-istaġun li ġej jew jekk l-MFA hux se żżomm dan il-kalendarju għall-futur ukoll.

Sorsi ta’ TVMSport jikkonfermaw li ftit tal-minuti ilu ntemmet laqgħa oħra bejn l-MFA u l-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni. Sorsi ta’ TVMSport mill-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni jikkonfermaw li reġa’ kien il-President Bjorn Vassallo li tkellem mal-14-il klabb u li kien hemm ukoll interventi minn uffiċjali ohra.

Hekk kif ġara mal-klabbs l-oħra fl-aħħar jiem, Vassallo spjega li l-MFA qed tippjana li tagħti bidu għall-istaġun il-ġdid f’Ottubru li ġej. Dan ifisser li l-MFA se tkun qed titfa’ il-bidu tal-ogħla kampjonat domestiku b’xahrejn b’lura. Waqt il-laqgħat bħal dik tal-lum qed ikunu spjegati wkoll il-fatturi li fuqhom il-Kumitat Eżekuttiv wasal għad-deċiżjoni li jittermina l-kampjonati mill-Ewwel Diviżjoni ’l isfel u li l-eżitu tal-klassifiċi se jkun qiegħed jiġi deċiż aktar tard.

Fil-preżent, id-dilettanti tal-futbol Malti qed jistennew id-deċiżjoni finali dwar x’se jsir mill-Kampjonat BOV Premier, liema deċiżjoni trid tittieħed mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

L-MFA lestiet ukoll protokoll mediku li kien ippreżentat lis-Supretindent tas-Saħħa Pubblika u li fih hemm elenkati dawk li huma r-riskji mar-ritorn tal-attività sportiva u l-proċessi fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-klabbs u dawk kollha li eventwalment jistgħu jipparteċipaw jekk il-futbol jirritorna.

Oriġinarjament, kollox kien skedat biex l-istaġun tal-futbol lokali jintemm bil-finali tal-FA Trophy, proprju s-Sibt li għadda. Iżda minflok, kaġun ta’ pandemija li laqtet lid-dinja kollha inkluż pajjiżna, tħarbat kollox u sal-ġurnata tal-lum, ħadd ma jista’ jgħid b’mod konkret meta l-futbol jista’ jirritorna.

L-ewwel ritorn mistenni hu dak li jibdew jitħarrġu l-plejers u wara li jkunu preparati fiżikament, ikunu jistgħu jitkomplew il-partiti kompetittivi. L-aħħar fażi fit-tkomplija tal-miżuri rilaxxati għall-futbol Malti se tkun dik li jirritornaw il-partitarji fl-istadiums.

L-MFA għandha limitu ta’ data li fiha trid tibgħat il-lista tat-timijiet li se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej għal staġun ieħor u jekk il-kampjonat ma jitkomplix, se jkollha taġixxi hi, skont il-klassifika sal-20 ġurnata.

Fuq livell internazzjonali, it-tim nazzjonali Malti mistenni jilgħab l-ewwel partita fil-UEFA Nations League fit-3 ta’ Settembru kontra l-Gżejjer Faroe u għalhekk se jkun qed jagħmel sens li l-kompetizzjonijiet domestiċi jibdew tard, dejjem jekk is-sitwazzjoni medika ma teskalax aktar u tkun solvuta wara s-sajf.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA illum ħareġ is-sospensjonijiet wara l-ewwel logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21. Fost il-lista ta’ tliet plejers li ġew sospiżi hemm il-plejer ta’ Lija Athletic Carl Joseph Cassar li…

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Aktar