Futbol lokali
Esklussiva: L-MFA se tiddeċiedi jekk jitkompliex il-Kampjonat BOV Premier fit-18 ta’ Mejju

Ftit tal-ħin ilu l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali Dr Angelo Chetcuti, mexxa laqgħa mal-presidenti tal-klabbs tal-Premier u avżahom li kien se jsejjaħ Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-18 ta’ Mejju biex jiddeċiedu jekk il-Kampjonat Premier għandux ikompli jew le.

Il-laqgħa tal-lum mal-esponenti tal-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti kienet waħda skedata wara li l-MFA qiegħda b’mod regolari tagħmel laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ kull diviżjoni.

Iżda jidher li wara l-pressjoni tal-aħħar jiem, fejn diversi klabbs esprimew il-pożizzjoni tagħhom biex jew jieqfu mmedjatament jew ikomplu bit-taħriġ u l-logħob minn Ġunju, l-MFA aġġixxiet mill-ewwel u permezz tal-Bureau li sar it-Tlieta, illum ffissat id-data meta se tittieħed id-deċiżjoni definittiva fuq il-kampjonat 2019/20 li kien beda f’Awwissu li għadda.

Qabel il-waqfa fil-bidu ta’ Marzu, Floriana FC kienu fl-ewwel post tal-klassifika b’sitt partiti x’jintlagħbu u 18-il punt possibbli għat-timijiet kollha.

Minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom, waqt il-laqgħa, il-President tal-MFA qal li nkitbet ittra lill-Awtoritajiet tas-Saħħa u magħha ntbagħat ukoll protokoll mediku b’kontenut importanti dwar dak li hemm bżonn fil-livelli ta’ iġjene, ittestjar mediku, operat tal-partiti u r-riżorsi meħtieġa kieku l-futbol kellu jirritorna fix-xhur tas-sajf.

L-ittra lill-Awtoritajiet tas-Saħħa tindika l-iskadenzi kollha mposti mill-UEFA fosthom li sal-25 ta’ Mejju jrid ikun hemm deċiżjoni jekk il-kampjonat hux se jitkompls jew le biex il-UEFA tkun tista’ tagħti l-kunsens tagħha u kif ukoll id-data meta l-MFA se tiddeċiedi dan kollu.

TVMSport infurmat li l-ittra intbagħtet ferm qabel iż-żmien biex fil-jiem li ġej, l-awtoritajiet jilħqu jaraw is-sitwazzjoni bir-reqqa anki abbażi tal-protokoll ippreżentat u b’hekk jevalwaw ir-riskji li l-attività sportiva tista’ ġġib magħha.

Bħalissa kull attività sportiva hi pprojbità skont l-Avviż Legali li tħabbar mill-Awtoritajiet f’Marzu li għadda u kien biss ftit tal-jiem ilu li sar l-ewwel rilaxx ta’ diversi miżuri.

Informazzjoni li għandu TVMSport tikkonferma li waqt il-laqgħa, il-President tal-MFA qal li l-Assoċjazzjoni tinsab lesta għal kull eventwalità u se toqgħod għal dawk li huma d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fl-istess laqgħa tal-lejla, Vassallo reġa’ għamilha ċara mal-klabbs tal-Premier li s-saħħa pubblika se tkompli tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Madankollu, Vassallo għamilha ċara wkoll li jiġri x’jiġri, l-MFA se tkun qiegħda dejjem tosserva r-regolamenti tagħha u l-linji gwida mogħtija mill-FIFA u mill-UEFA u li mhux se jaċċetta l-ebda tip ta’ intimidazzjoni esterna biex b’hekk ikunu salvagwardjati l-prinċipji ta’ trasparenza u ġustizzja f’dak kollu li tiddeċiedi l-Assoċjazzjoni.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA illum ħareġ is-sospensjonijiet wara l-ewwel logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21. Fost il-lista ta’ tliet plejers li ġew sospiżi hemm il-plejer ta’ Lija Athletic Carl Joseph Cassar li…

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Aktar