
F’laqgħa li saret fl-aħħar sigħat, il-Malta Football Association laqqgħet lill-klabbs membri interessati fi proġett ta’ kummerċjalizazzjoni fil-faċilitajiet sportivi tagħhom fil-lokalitajiet madwar Malta.
Matul din il-laqgħa, numru sabiħ ta’ klabbs mit-53 membru tal-Assoċjazzjoni attendew u wrew interess li jinvestu finanzjarjament biex ikollhom ċentru sportiv li jinkludi wkoll element kummerċjali minn fejn ikunu jistgħu jaslu għal aktar sostenibbilità.
TVMSport infurmat li numru ta’ klabbs diġà tefgħu l-applikazzjoni tagħhom u qed jistennew li jinbeda l-proċess mill-kumitat rispettiv wara li jsir skrutinju mill-awtoritajiet.
Il-kunċett kollu tal-kummerċjalizazzjoni fl-isport kien introdott għall-ewwel darba mit-tmexxija tal-MFA fl-2013 wara li kienu ppreżentati mudelli u prattiċi ta’ kif jitħaddmu proġetti kummerċjali fl-isport madwar id-dinja. Dan kollu kien aċċettat mill-Gvern tal-ġurnata u saret Liġi apposta, li issa ssaħħet b’linji gwida biex jagħtu direzzjoni ta’ proċedura lill-klabbs li se japplikaw.
L-art tal-Gvern li tingħata b’ċens lill-klabbs sportivi f’pajjiżna permezz ta’ SportMalta bħala regolatur, sal-lum tintuża għal skopijiet sportivi iżda permezz ta’ din il-Liġi, il-klabbs jistgħu jikkumerċjalizzaw partijiet mill-art mgħoddija lilhom wara proċess stabbilit ta’ governanza tajba u diliġenza li jridu jsegwu.
Il-klabbs mistennija jgawdu minn sussidji fuq ir-rati tal-art biex l-investiment jiġi wieħed vijabbli u finalment jintlaħaq l-objettiv li proġetti bħal dawn iservu għall-ġid tal-komunità, u biex l-isport f’pajjiżna permezz ta’ infrasstruttura aħjar, jikber u jevolvi fl-istatura u fil-livell ta’ żvilupp u kompetizzjoni.
Il-laqgħa kienet immexxija mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo u għaliha attenda wkoll ic-Chairman tal-Bord tal-Proġetti, il-Professur Saviour Formosa flimkien ma’ membri oħra.
Matul l-aħħar snin, l-MFA waħidha, investiet aktar minn €30 miljun fil-faċilitajiet sportivi tal-klabbs. Dixxiplini sportivi oħra, fosthom il-klabbs tal-waterpolo, mistennija jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn il-proġetti.
TVMSPORT infurmat li laqgħa oħra simili se tkun qed issir għall-klabbs Għawdxin fil-ġimgħat li ġejjin.