Futbol lokali
ESKLUSSIVA: L-MFA u l-klabbs favur li jkomplu bil-kampjonati jekk jitneħħew l-Avviżi Legali fil-11 ta’ April

Il-Malta Football Association u l-klabbs lokali tal-kampjonat Premier u ċ-Challenge League qablu li għandhom ikomplu bil-kampjonati sal-aħħar jekk jitneħħew l-Avviżi Legali li daħlu fis-seħħ sal-11 ta’ April mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Ftit tal-ħin ilu, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali Dr Angelo Chetcuti u ufiċċjali oħra tal-MFA, mexxew laqgħa mal-uffiċjali tal-31 klabb li jikkompetu fl-ogħla żewġ diviżjonijiet ta’ pajjiżna.

Fil-laqgħa tal-lum li ntemmet ftit tal-minuti ilu, l-MFA u l-klabbs qablu li għandhom jaħdmu fuq kalendarju biex il-kampjonati jitlestew sal-aħħar ġurnata.

Iżda jekk il-problema medika tkompli tippersisti u l-futbol jiġi tterminat allura se jkunu r-regolamenti li jiġġudikaw l-unuri, ir-relegazzjonijiet, il-promozzjonijiet u li xi kampjonati jistgħu possibilment ikunu ddikjarati nulli.

Bħalissa, il-futbol Malti jinsab wieqaf u ma tista’ ssir l-ebda attività jekk mhux waħda fiżika fi gruppi ta’ erbgħa b’mod mhux organizzat u dejjem bil-miżuri ta’ prevenzjoni indikati mill-awtoritajiet.

TVMSPORT għandu informazzjoni li teżisti qasma bejn il-klabbs li jridu jkomplu u oħrajn li jridu jieqfu u din ġejja mill-fatt li wħud jinsabu komdi fil-pożizzjoni tal-klassifika rispettiva mentri oħrajn għadhom fit-taqtiegħa fil-parti ta’ fuq jew fil-parti t’isfel tal-klassifika u ovvjament ma jaqblilhomx li l-futbol jitwaqqaf.

Sorsi ta’ TVMSport li attendew għal din il-laqgħa tal-lum qalulna li l-President Vassallo kien kritiku għall-fatt li l-MFA qiegħda ssofri mill-impatt tal-Avviżi Legali meta matul l-aħħar xhur u wara qbil mal-awtoritajiet, irnexxielha toħloq protokoll mediku li ħadem u ħalla r-riżultati.

Il-President tal-MFA saħaq ukoll li d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet se jkomplu fil-jiem li ġejjin biex il-futbol fil-livell ‘elite’ jkun ikkunsidrat bħala ekonomija għaliex dan iġib miegħu ħafna impjiegi, jikkontribwixxi flejjes importanti u jqajjem ‘feel good factor’ fost il-popolazzjoni f’mument ta’ sfida.

L-istess sorsi tagħna jkomplu jikkonfermaw li l-Avukat Matthew Paris, Viċi President tal-MFA, qal li diġà saru laqgħat mad-Direttur tax-Xogħlijiet u mal-Malta Enterprise biex l-MFA tressaq il-pożizzjoni tal-klabbs li jħaddmu lill-plejers u l-kowċis biex l-impatt negattiv ta’ dan il-waqfien ikun wieħed ikkontrollat.

TVMSport jinsab infurmat ukoll li fil-jiem li ġejjin, se ssir laqgħa tal-Premier League Standing Committee fejn fiha se tiġi diskussa t-triq ‘il quddiem għal kulħadd. Ħafna klabbs jixtiequ risposta fl-immedjat jekk il-kampjonati hux se jkomplu jew le u meta jistgħu jkompli bit-taħrig b’mod normali. Ħafna mill-klabbs lokali qed jaraw bħala piż żejjed il-pagi li jridu jitħallsu jekk il-plejers jinżammu mal-klabbs aktar minn kemm kien ippjanat fil-bidu tal-istaġun qabel il-vaganzi tas-sajf.

Miktub minn...
TVM Sport