X

Esports: It-tim RPM imur il-Ġermanja biex jikkompeti mal-aqwa xufiera fid-dinja

It-tim ta’ RPM Esports nhar il-Ħamis jerħulha lejn il-Ġermanja fejn ser jikkompetu mal-aqwa xufiera tal-Motorsport virtwali.

Is-sewwieqa li se jkunu qegħdin isuqu huma Keith Camilleri, Brandon Tabone u Terence Grech.

Din hija l-ewwel tellieqa professjonali għat-tim ta’ RPM barra minn xtutna. It-tim ġie ffurmat fil-bidu tas-sena u sa issa kkompetew fi tlielaq professjonali u wrew il-potenzjal tagħhom ikkumparat ma’ timijiet oħra li ħafna minnhom huma ssapportjati minn kumpaniji kbar, bħal tim minnhom li huwa ffurmat minn Fernando Alonso, xufier professjonali fil-Formula 1.

Nistgħu ngħidu li RPM Esports huwa l-ewwel tim fil-qasam tas-sim racing li sejjer jikkompeti għal Malta f’livell professjonali fejn it-tlielaq se jkunu mxandra live mad-dinja kollha.

Justin Mifsud, it-tim manager ta’ dan it-tim flimkien mal-partners tiegħu George Muscat u Adrian Figallo huma ferm fiduċjużi fit-tim, grazzi għad-dedikazzjoni tax-xufiera li jieħdu l-leave mix-xogħol kif ukoll inaqqsu il-ħin minn mal-familja biex jitħarrġu għal din it-tellieqa kif ukoll għall-kumpaniji kollha li qegħdin jissapportjaw lit-tim.

Mifsud kompla jgħid li s-sena d-dieħla t-tim se jkollu ħafna taħriġ estensiv biex isir aktar professjonali u jkun preparat għal kull tellieqa li mistennija għas-sena 2019.

L-Esports fil-qasam tal-Motorsport virtwali qed jikber ħafna u anka l-livell tax-xufiera kiber ħafna, dan għaliex il-kumpaniji qegħdin jinvestu miljuni ta’ flus f’dan il-qasam għaliex il-promotion tal brands jista’ jsir f’ħafna postijiet b’hekk l-exposure tkun tajba ħafna għalihom.

Mark Attard :Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.