Futbol internazzjonali
EURO 2020: Bilbao u Dublin bi problemi minħabba d-dħul tal-partitarji fl-istadia

Bilbao mhux se tkun tista’ tospita l-partita tal-EURO 2020 bl-ispettaturi fl-istadium.

Dan tħabbar mill-Federazzjoni tal-futbol Spanjola.

B’din l-aħbar, il-Federazzjoni Spanjola poġġiet f’riskju l-belt ta’ Bilbao li fiha ma jsirux partiti tal-kampjonat Ewropew tas-sajf li ġej.

L-Erbgħa, il-belt ta’ Bilbao bagħtet pjan lill-UEFA ta’ kif se tkun qed iddaħħal sa 25% tal-kapaċità tas-San Mames Stadium għal erba’ partiti skedati fih.

Iżda dan jista’ jsir biss jekk sa dak iż-żmien ikun hemm rata baxxa sa livelli aċċettati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Spanjoli.

Il-UEFA trid pjan konkret għal dan u li fil-mument, Spanja ma tistax tagħtihula bil-President Aleksander Ceferin li diġà għamilha ċara li kull stadium li jospita partita tal-EURO 2020 hu obbligat idaħħal l-ispettaturi.

L-istess problema għandha r-Repubblika Irlandiża hekk kif il-belt ta’ Dublin għadha mhux f’pożizzjoni li taċċerta lill-UEFA li se jkunu qed jitħallew jidħlu l-ispettaturi fl-istadium għall-partiti.

Il-Federazzjoni Irlandiża ħabbret li infurmat lill-UEFA li għadha mhux f’pożizzjoni li tagħti pjan b’ċertezza dwar id-dħul tal-partitarji għal waqt il-partiti tal-EURO 2020.

L-EURO 2020 se jibda fil-11 ta’ Ġunju li ġej.

Deċiżjoni finali tal-UEFA dwar dawn il-problemi fil-pajjiżi diversi mistennija tittieħed fil-kungress fl-20 ta’ April.

Miktub minn...
TVM Sport